Read in English.
Il-virus ta l-ħin lin-nies biex jirriflettu, skont il-Kap tal-PN Adrian Delia.
Delia qal dan f’diskors li għamel dalgħodu fuq l-istazzjon NET tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-coronavirus ġab aktar ħin għan-nies biex jieqfu mill-ħajja mgħaġġla u jirriflettu aktar. Saħaq li n-nies kienu aljenati u li issa qed jitgħalmu aktar dwar il-valur tal-ħajja.
Delia fakkar li fil-jiem li għaddew l-awtoritajiet ta’ Malta ddikjaraw stat ta’ emerġenza. Qal li dan ifisser li d-deċiżjonijiet se tkun qed teħodhom is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika u mhux il-Gvern. Fi kliem Delia huwa important aktar minn qatt qabel biex in-nies jobdu minn dak li jgħidu l-awtoritajiet b’mod rigoruż.
Delia qal li l-akbar għodda li għandu l-bniedem kontra l-virus kienet l-informazzjoni korretta.
“Però hemm virus ieħor,” qal Delia b’referenza għal dak li ddeskriva bħala l-virus tal-biża’ li qal li qed jinfirex aktar malajr mill-virus il-propja. Spjega li jekk il-Maltin jinħakmu mill-biża’ jkun hemm riperkussjonijiet fejn tidħol is-saħħa mentali tan-nies.
Delia tkellem ukoll dwar l-ekonomija Maltija u qal li l-Gvern qed jitkellem biss dwar iċ-ċifri tal-pajjiż bħala totalità. Qal li jrid isir bil-maqlub u li wieħed għandu jitkellem fuq iċ-ċirkostanzi individwali tas-setturi differenti. Żied jgħid li kieku l-Gvern sema’ mill-Oppożizzjoni kien ikun hemm aktar ġid fil-kaxxa ta’ Malta li jkun jista’ jitqassam lin-nies.
Fi kliem Delia n-nies iridu jiġġieldu flimkien biex jgħaddu minn din il-“maltempata”. Saħaq li se jkun hemm realtà ġdida wara. Qal li waħda mill-akbar preokupazzjonijiet tan-negozji kienet li m’għandhomx biżżejjed informazzjoni.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.