Filmat: “Il-Gvern se jagħti biss €175m f’għajnuna diretta” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li mhux minnu lil-Gvern se joħroġ €1.81 biljun biex jgħin. Qal li l-massimu li se joħorġ il-Gvern huwa €175 miljun f’assistenza diretta. Hu qal dan waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.

Qal li t-tieni punt tiegħu huwa ċar li €700 miljun huma tax referrals, jiġifieri taxxa li l-Gvern qed jgħid li f’mument fejn qed jaħsbu kif jibqgħu f’wiċċ l-ilma qed itihom il-konfort li mhux se jkollhom bżonn iħallsu dawn it-taxxi għalissa. Delia insista li n-ngegozji issa mhux qed jaħsbu fuq qligħ imma fuq kif se jibqgħu ħajjin.

It-tielet punt li semma Delia huwa li €900 miljun huma garanziji biex il-kumpanijie jieħdu loans. Qal li dan iżda se jkun ta’ massimu ta’ 20%. Delia staqsa: “Għat-80% l-oħra min se jagħmel tajjeb?” Hu rrimarka li lill-Electrogas tagħha €360 miljun f’garanzija, iżda għall-kumpaniji kollha madwar Malta u Għawdex għandu biss €900 miljun.

Delia rrimarka li fl-iktar perjodu li hemm bżonn għajnuna lill-poplu, se jkun qed jagħti biss €35 miljun lis-servizzi tas-saħħa. Qal lil Steward Healthcare qed itiha €70 miljun, id-doppju ta’ kemm il-Gvern qed jonfoq fis-settur tas-saħħa kollu. Delia talab lill-Gvern f’isem il-poplu kollu sabiex jinvesti dak kollu li hemm bżonn fis-settur tas-saħħa. Insista li €35 miljun, illum m’huma xejn.

Delia sostna li l-Gvern se jkun qed joħroġ inqas minn 10% li qal li se jkun qed joħroġ.

“Tajjeb imma mhux biżżejjed. Mhu se jissalva l-ebda impjieg,” insista Delia. Delia kompla billi kkwota dak li qalu l-MEA u l-MHRA dalgħodu u dak li qalet il-Kamra tal-Kummerċ tard ilbieraħ filgħaxija.

Delia rrefera għat-tliet xhur moratorju fuq self. Delia qal li l-perjodu għandu jkun minimament ta’ sitt xhur. Sostna li n-negozji diġà għaddejjin minn problemi kbar. Insista li l-perjodu ta’ moratorju għandu jibda minn wara li jgħaddi l-perjodu ta’ problemi.

Delia sostna li l-pakkett li ħabbar il-Gvern mhux ġeneruż. Qal li jekk wieħed jikkalkola l-ammont li se joħroġ il-Gvern, ikun jaqbillu li jagħti iktar, għax jekk ikun hemm ħafna nies li jispiċċaw mingħajr xogħol, in-nefqa tal-Gvern se tkun ħafna aktar.

Insista li l-Oppożizzjoni lesta li tgħin u tappoġġja jekk ikun hemm skemi u miżuri li huma biżżejjed.

Min-naħa tiegħu, il-MP Claudio Grech qal li l-messaġġ ta’ tama li kien qed jistenna l-poplu lbieraħ ma wasalx. Qal li jidher li l-Gvern qata’ qalbu milli jindirizza l-kriżi li l-pajjiż jinsab fiha. “Mhux se naċċettaw li l-impjegati jispiċċaw iħallsu minħabba deċiżjonijiet ħżiena,” sostna Grech.

Intant Mario DeMarco qal li l-Gvern ma jridx jifhem li ċirkostanzi straordinarju jirrikjedu deċiżjonijiet straordinarji. Insista li dan huwa żmien “do or die” għal diversi impjiegi ta’ ħaddiema Maltin. Qal li l-miżuri mħabbra lbieraħ ma jwasslu mkien biex jgħinu lin-negozji billi jżommu l-impjiegi.

Hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Delia sostna li l-Gvern waqaf jisma’ u waqaf jiddjaloga. Qal li kulħadd qed jgħid lill-Gvern li hemm bżonn li joffri l-għajnuna, imma hu waqaf jisma’.

Din qed issegwi l-aħħar miżuri mħabbra mill-Gvern bil-għan li jtaffu l-piż fuq in-negozji lokali u jiġu salvati kemm jista’ jkun impjiegi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn