Filmat: “Meta l-Gvern jgħajjat bis-surplus ikun qed iweġġa’ lil min qed ibati” – Delia

Flimkien għal Pajjiżna: Kunsill Ġenerali Straordinarju. #flimkienghalpajjizna

Flimkien għal Pajjiżna: Kunsill Ġenerali Straordinarju. #flimkienghalpajjizna

Posted by Partit Nazzjonalista on Sunday, April 28, 2019

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista indirizza l-Kunsill Ġenerali llum, flimkien mal-Kap tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber, u qal li kull darba li l-Gvern jitkellem fuq is-surplus, ikun qed iweġġa’ lil min qiegħed ibati.

Illum saret il-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista. Il-laqgħa ġiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u anke Manfred Weber, li jmexxi l-Partit Popolari Ewropew (EPP) fil-Parlament Ewropew. Manfred Weber ġie elett bħala l-kandidat tal-EPP għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Indirizzaw il-laqgħa wkoll l-10 kandidati tal-PN għall-Parlament Ewropew.

“Il-ħaddiema numru fuq karta għall-Gvern”

Dwar ix-xogħol, Delia qal li għall-Gvern m’huma xejn ħlief numru fuq karta. Semma li l-Gvern iġib lill-ħaddiema minn barra biex jaħdmu f’kontenituri b’€400 fix-xahar. Delia qal li kull darba li l-Gvern jgħajjat bis-surplus, ikun qed iweġġa’ lil min qed ibati bis-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja kurrenti, lil min jixtieq jitgħallem iktar imma ma jaffordjax, lil min jixtieq jgħallem u ma jistax.

Delia qal li l-ekonomija qed tikber biss għax żdiedet il-popolazzjoni. Dwar il-professjonisti, Delia qal li minflok ma timraħ il-klassi tan-nofs, il-Gvern qed jara li l-klassi ta’ fuq tibqa’ tiela’ ‘l fuq. Delia qal li l-Gvern qed jagħti kas biss in-negozju, u b’kawża t’hekk, m’hemmx kompetittività ġusta. Staqsa fejn hi r-ruħ soċjali fil-Gvern Laburista, peress li jibqa’ jikkorrompi mingħajr ma jagħti kas lil min qed iweġġa’.

Adrian Delia rrefera għar-rapporti tal-Kummissjoni Venezja u tal-GRECO, u qal li l-Gvern qal li se jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja imma xorta waħda ħatar imħallfin u maġistrati ġodda, minkejja li għaddejjin riformi kostituzzjonali. Skont Delia, b’din l-azzjoni wera li hu Gvern li ma jimpurtahx.

6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura; 3 imħallfin u 3 maġistrati

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Weber u lill-kandidati tal-Parlament Ewropew għad-diskorsi tagħhom. Huwa fakkar lill-Maltin li din l-elezzjoni mhix elezzjoni tal-partiti, imma hi elezzjoni biex il-Maltin jagħżlu min jirrappreżentahom fl-Unjoni Ewropea.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-abbiltà tal-Maltin u l-Għawdxin, u għalhekk iġġieled għall-Indipendenza, u mbagħad għas-sħubija fl-Unjoni Ewropa. Min-naħa l-oħra, huwa fakkar li kien il-Partit Laburista li dejjem xekkel lil Malta fl-Unjoni Ewropea.

Huwa qal li hu l-obbligu tal-Partit Nazzjonalista li jiddefendi l-ħajja sa mill-bidu nett tagħha, speċjalment peress li l-Partit Laburista ma jagħtihiex importanza, lanqas fil-manifest elettorali tiegħu. Delia qal li l-PL jaħseb li l-ewwel jiġi d-dritt tal-għażla qabel id-dritt tal-ħajja.

“Il-PN il-partit tal-edukazzjoni”

Fil-każ tal-edukazzjoni, Delia qal li l-Gvern ma jemminx fl-edukazzjoni. Qal li Malta m’għandhiex ir-riżorsi tant meħtieġa użati f’pajjiżi oħra, imma għandha biss ir-riżorsi umani. Qal li l-għalliema Maltin, għalkemm jgħożżu l-professjoni tagħhom, m’għandhomx ħajra jibqgħu għalliema, minħabba r-restrizzjonijiet ta’ tagħlim, fejn qegħdin l-agħar fl-Ewropa fil-każ ta’ studenti li ma jkomplux jistudjaw. Delia qal li l-Gvern ma jinteressahx minn dan imma jaħseb biss fil-preżent mingħajr ma jippjana għall-futur.

Iż-żgħażagħ Maltin fost l-iżjed li jieqfu jistudjaw kmieni fl-UE – Eurostat

Temm jgħid li hu l-Partit Nazzjonalista li hu l-partit tal-Ewropa.

“Ewropa demokratika, mhux burokratika” – Weber 

Manfred Weber beda d-diskors tiegħu billi sellem lill-MEPs Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, u faħħar ix-xogħol li wettqu fi ħdan il-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Popolari Ewropew. Huwa qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jikkontribwixxi għall-futur tal-Ewropa. Weber semma min kienu l-katalisti fl-Ewropa li reġgħu qajmuha fuq saqajha wara l-gwerra. Qal li f’Malta, dawn in-nies kienu Eddie Fenech Adami, segwit minn Lawrence Gonzi, Simon Busuttil u issa, Adrian Delia.

Bħala l-Kap tal-EPP, Weber qal li fuq quddiem fl-aġenda tal-partit, hemm l-immigrazzjoni, li hu sostna li mhijiex kwistjoni tan-Nofsinhar tal-Ewropa biss. Tkellem ukoll fuq il-ħtieġa ta’ inizjattivi konkreti b’rabta mal-prezzijiet tad-djar. Mil-lat tal-kummerċ, Weber qal li l-Ewropa se taffaċċja xi diffikultajiet minħabba Brexit, u minħabba t-tmexxija tal-Istati Uniti minn Donald Trump. F’dan il-kuntest, Weber qal li jeħtieġ li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem.

Huwa qal ukoll li jħossu kburi li jmur fejn imur fl-Ewropa, jara Knisja Kristjana fil-qofol tal-belt. Qal li hu importanti li l-Ewropej iħossuhom kburin bil-fidi tagħhom, u mhux iħalluha għall-mużewijiet.

Temm jgħid li l-Ewropa hija demokratika, u mhux burokratika, u hekk trid tibqa’. Qal li l-egoiżmu u n-nazzjonaliżmu reġgħu lura fl-Ewropa, u jidhru f’politiċi bħal Le Pen fi Franza. Qal li dawn irridu neħilsu minnhom sabiex tirrenja d-demokrazija fl-Ewropa.

Weber elett bħala l-kandidat tal-PPE għall-Presidenza tal-KE

Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli tkellem dwar il-manifest tal-Partit Nazzjonalista li ħareġ din il-ġimgħa u li ġie approvat mill-Eżekuttiv tal-Partit ilbieraħ.

L-Eżekuttiv tal-PN japprova l-manifest elettorali