Filmat: Malta issa b’politiċi fil-kriminalità internazzjonali – Delia

Aġġornat 09:18 PM

Read in English.

Konferenza tal-ahbarijiet

Konferenza tal-ahbarijiet

Posted by Adrian Delia on Friday, June 19, 2020

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li Malta issa għandha politiċi fil-kriminalità internazzjonali, f’reazzjoni għal dak li żvelaw il-ġurnalisti dwar Yorgen Fenech li għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta.

  • Delia jgħid li jistenna li l-Gvern iġib lura l-flus li insterqu u jagħtihom lil Maltin
  • Delia jgħid li Abela irid jieħu l-passi minnufih u jkeċċi dawk kollha konċernati
  • Il-Kap Nazzjonalista jfakkar li Joseph Muscat inħatar bħala konsulent tal-Gvern
  • Beppe Fenech Adami jgħid li għaddew 7 sigħat u li dawk involuti fid-deal flok qegħdin arrestati qegħdin jiġru barra
  • Il-MP Karol Aquilina jgħid li xibka ta’ korruzzjoni qatlet lil Daphne Caruana Galizia

Il-MP Beppe Fenech Adami jgħid li hemm distakk bejn il-kliem u l-fatti ta’ Abela. Jgħid li l-poplu Malti qed iħallas miljuni li jistgħu jintużaw għal skopijiet aħjar.

Aquilina qal li kieku l-istituzzjonijiet Maltin verament jaħdmu Muscat kien ikun arrestat u Caruana Galizia tkun għadha ħajja. Jisħaq li Muscat, Schembri, u Mizzi qed igawdu minn impunità sħiħa. Tenna li għandhom jiġu arrestati.

Delia jgħid li f’pajjiżi Ewropej oħra kien hemm ġurnalist li nqatel però jgħid li rreżenja “prattikament Gvern sħiħ”.

Delia qal li l-Gvern qed jgħid li m’għandux flus biex jgħin lil ċertu sezzjonijiet tas-soċjetà. Jgħid li dan minħabba li l-flus qed jgħaddu għand il-kriminali.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar l-allegazzjonijiet li ħarġu dwar il-PN li Yorgen Fenech offra flus biex ma jiġix elett l-MEP David Casa jekk il-Korp tal-Pulizija kienx kuntent b’ċaħdiet kategoriċi Delia qal li l-Pulizija ma kellmuħx dwar dan il-każ. Żied jgħid li dan minkejja li l-allegazzjonjiet ilhom pubbliċi madwar sena. Qal li l-Pulizija lanqas kellmet lill-Uffiċjali tal-PN. Żied jgħid li kumbinazzjoni nħolqot investigazzjoni issa fl-istess żmien meta ħareġ l-iskandlu tas-17 Black.

Delia qal li l-politiċi Maltin issa qed jissemmew fil-kriminalità internazzjonali. Fakkar fi kliem Joseph Muscat li ried isir l-aħjar fid-dinja.

Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta.

Din l-informazzjoni ħarġet permezz ta’ investigazzjoni konġunta bejn Stephen Grey minn Reuters u Jacob Borg mit-Times of Malta.

Fix-xhur qabel inqatlet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga l-kumpanija 17 Black, li wara l-assassinju tagħha, sar magħruf li sidha kien Yorgen Fenech. F’Novembru li għadda, huwa ġie arrestat hu u jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu. Bħalissa qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, peress li hu suspettat li ordna l-qtil.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja qabel dik ta’ Delia, il-PM Robert Abela qal li kull min huwa involut fl-iskandlu għandu jiġi investigat. Wiegħed ir-riżorsi kollha neċessarji lill-Pulizija.