Read in English.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia enfasizza fuq l-importanza li l-Gvern jagħti direzzjoni, jaqsam l-informazzjoni, jispjega t-tħejjija tiegħu u jkun verament trasparenti biex kulħadd ikun jista’ jippjana għal dak li ġej. Għal dan il-għan, l-Oppożizzjoni ħarġet bi pjan għal Malta sabiex tirkupra mill-kriżi ekonomika li ġab il-coronavirus.
Waqt din il-konferenza, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta dak li qed isejjaħlu pjan għal Malta li tfassal wara konsultazzjoni mas-setturi kollha tas-soċjetà. Dan il-pjan għandu l-għan li Malta titfejjaq mill-kriżi ekonomika li tinsab fiha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li mhux sodisfatt bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela tat-Tnejn filgħaxija. Qal li minflok il-pubbliku ngħata l-konfort li l-preparazzjonijiet li l-Gvern għamel s’issa huma biżżejjed, Abela għamel “sagħtejn jitkellem dwar dik li sejħilha ‘iċ-ċelebrazzjoni’.” Delia qal li dak li l-awtoritajiet mediċi qed jgħidu huwa bbażat fuq ix-xjenza. Dan qalu b’referenza għal dik li jsejħulha t-tieni mewġa. Qal iżda minflok, il-Prim Ministru Robert Abela pprefera jgħid li l-mewġ qiegħed biss fil-baħar.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech elenka l-10 prinċipji ewlenin tal-politika li qed tressaq l-Oppożizzjoni sabiex fuqhom ikunu jistgħu jinbnew il-miżuri fil-proċess ta’ konsultazzjoni:
- Għajnuna ffukata, temporanja u fil-ħin opportun għal dawk l-intrapriżi li ntlaqtu materjalment.
- Titnaqqas l-inċertezza billi jitħejja pjan skedat ta’ deċiżjonijiet li jsarrfu f’fiduċja mill-investituri.
- Tisħiħ tar-relazzjoni bejn is-saħħa u l-ekonomija: pajjiż b’saħħtu jwassal għal ekonomija b’saħħitha u ekonomija b’saħħitha tirriżulta f’poplu b’saħħtu.
- It-tibdil tal-kriżi tal-Covid-19 f’opportunità sabiex jissewwa dak li m’għadux tajjeb fil-mudell ekonomiku u titfassal it-triq għal trasformazzjoni ekonomika u viżjoni komuni għal Malta.
- Patt soċjali bejn il-korpi kostitwiti, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u ż-żewġ partiti politiċi.
- Tfassil ta’ settur privat tas-saħħa b’saħħtu u reżiljenti sabiex jikkumplimenta u mhux jikkompeti mas-settur tas-saħħa pubblika.
- Twaqqif ta’ skemi innovattivi u komprensivi li jgħinu l-intrapriżi li jixtiequ jbiddlu n-negozju tagħhom bħala parti mir-riġenerazzjoni ekonomika tal-pajjiż.
- Formazzjoni, trawwim u tkabbir ta’ ekosistemi sostenibbli lokali madwar għadd ta’ industriji.
- Prijorità lin-nefqa pubblika għat-tkabbir tal-pilastri ekonomiċi u t-tisħiħ tal-infrastruttura tal-pajjiż.
- Il-fond finanzjarju tal-UE għall-irkupru u t-trasformazzjoni wara l-Covid-19 jintuża bħala l-mutur ewlieni għall-bidla.
Claudio Grech spjega kif l-Oppożizzjoni se tkun qed tieħu pass bla preċedent fl-isfond tal-politika lokali billi twarrab il-politika tal-partiti biex taddotta l-politika tal-ġid komuni permezz ta’ kontribut dirett fit-tfassil tal-pjan tal-irkupru mill-kriżi ekonomika. L-Oppożizzjoni qed tipproponi li din il-ħidma ma tkunx ristretta biss għall-partiti politiċi iżda li permezz ta’ task force ġġib flimkien ukoll lill-imsieħba ewlenin kollha, inklużi korpi kostitwiti, unjins u s-soċjetà ċivili.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.