Filmat: Il-Ħamis nivvutaw fuq il-mozzjoni dwar it-3 sptarijiet – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li bħala Oppożizzjoni ħabbru li se jdaħħlu mozzjoni fil-Parlament biex issir investigazzjoni dwar il-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare. Qal li l-mozzjoni fil-Parlament ġiet ippreżentata l-ġimgħa li għaddiet u l-Ħamis se tiġi diskussa fil-Parlament.

Delia stieden lill-Membri Parlamentari u qalilhom li jafu li 90% tal-poplu Malti jaqbel li l-ftehim ta’ Vitals ma kienx wieħed tajjeb. Spjega li l-mozzjoni hija t-talba tal-PN biex tiddikjara li dan il-ftehim jiġi kkundannat “li mhu tajjeb għal ħadd ħlief għal dawk biss li se jieklu u se jitħanżru minnu”. Delia qal li l-poplu Malti jaqbel li dan il-ftehim għandu jiġi kkundannat u qed jistiednu lid-deputati tal-Gvern jaqblu ma’ din il-kundanna wkoll.

Delia kompla billi rrefera għat-tieni parti tal-mozzjoni u sostna l-importanza tat-trasparenza biex joħorġu l-kundizzjonijiet kollha tal-ftehim. Qal li l-Gvern kellu quddiemu fatti li l-investiment li kellu jsir ma sarx, imma l-ewwel kuntratt kien jippermetti li jiġri dan.

“L-istedina tagħna mil-lum huwa li l-Gvern jippubblika l-kuntratt oriġinali, il-ftehim li ġie ffirmat is-sena li għaddiet u kull kuntratt li għandu x’jaqsam ma’ dan il-bejgħ,” insista Delia.

Min-naħa tiegħu, il-MP Stephen Spiteri sostna li dan il-kuntratt tal-Gvern huwa ta’ importanza nazzjonali għax illum il-pajjiż qed jgħix f’emerġenza ta’ saħħa pubblika. Qal li l-kuntratt ma kienx trasparenti u dejjem wera suspetti kbar. “Nemmnu li dawn l-isptarijiet jerġgħu jiġu f’idejn il-Gvern biex jitmexxew għall-poplu Malti u Għawdxi,” insista Spiteri.

Min-naħa tiegħu, il-MP Claudio Grech qal li l-mozzjoni se tkun qed tisemma fil-ġurnata allokata għaliha. Qalet li l-PN użat l-għodda tal-ġurnata tal-Ħamis biex tressaq din il-mozzjoni għal vot. Qal li skont dak li ġie ppubblikat ir-reinstatement agreement kien sar f’Awwissu tal-2019, liema ftehim kien ġie żvelat minn ġurnal mhux tħabbar mil-Gvern. Qal li l-Ħamis se jkun hemm l-opportunità biex kull deputat għandu ċ-ċans juri l-interessi personali tiegħu fejn qiegħdin.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi jekk ma jaħsibx li hu prematur li jittieħed vot fil-Parlament meta għad hemm kawża għaddejja fil-Qorti, Delia qal li le mhux prematur.

Mistoqsi dwar fiex waslet il-kawża tal-PN dwar is-suġġett fil-Qorti, Delia qal li l-aħħar smigħ fil-Qorti kellu jsir fil-Qorti fl-24 ta’ Marzu ġiet posposta minħabba s-sitwazzjoni kurrenti tal-coronavirus. Qal li s’issa ħadd minn dawk li xehdu fil-Qorti ma semmew li hemm dan il-kuntratt.

Mistoqsi dwar Jason Azzopardi u d-denunzja fil-konfront tal-AFM, il-Prim Ministru u l-brigadier, Delia fakkar li ma kienx Jason Azzopardi li għamel id-denunzja, iżda hu kien biss l-avukat tal-għaqda li ppreżentat din id-denunzja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn