Filmat: ‘Il-PN se jibqa’ l-vuċi tat-tarbija fil-ġuf li m’għandhiex vuċi’ – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem fuq l-faqar, l-abort u t-theddida għall-impjiegi f’Malta waqt attività politika li saret mill-Partit Nazzjonalista fuq is-Saqqajja r-Rabat il-Ħamis.

Waqt l-intervent tiegħu Delia sostna li l-Gvern ma jemminx fil-prinċipju tas-sussidjarità u għalhekk hemm iktar kontroll mill-Gvern ċentrali.

‘Il-PN se jibqa’ l-vuċi tat-tarbija fil-ġuf li m’għandhiex vuċi’

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li għall-Partit Nazzjonalista l-ħajja hi importanti mill-konċepiment sal-mewt. Delia spjega li għall-Partit Nazzjonalista t-tarbija fil-ġuf hija ħajja umana u mhux tmien ċelloli bħall-Partit Soċjalista. Spjega li fil-manifest elettorali tas-Soċjalisti Ewropej qed jiġi mbuttat l-abort, liema manifest ġie ffirmat mill-Partit Laburista li huwa parti mis-Soċjalisti Ewropej. Delia spjega kif l-Ewroparlamentari tas-Soċjalisti Ewropej fosthom Edite Estrela mbuttaw biex l-abort isir dritt imħallas mit-taxxi. Skont Delia kien biss wara ħidma tal-Partit Popolari Ewropew li minnu jagħmel il-Partit Nazzjonalista li r-rapport li ppreparat Estrela ġie megħlub fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Delia qal li l-protezzjoni tal-ħajja tinsab f’qalb il-Partit Nazzjonalista u sostna li dan huwa għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li fi kliem Delia qed jipproteġi l-voti. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Mexxej tal-Partit Laburista li qed jagħmel dan għall-voti.

‘Theddida għall-impjiegi f’Malta’

Delia tkellem ukoll dwar taxxa waħda madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Huwa spjega li l-interess tal-kandidat għas-Soċjalisti Ewropej għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, u tas-Soċjalisti Ewropej, huwa li jkun hawn taxxa waħda fl-UE u ddeskriva din il-possibbilità bħala theddida kbira għall-investiment u l-impjiegi f’Malta. Saħaq li xi ħaġa bħal din hi ta’ theddida għal aktar minn 27,000 post tax-xogħol fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Kompla jispjega li l-liġi bħal din ma tħallix lil Malta tiddeċidi dwar is-sistema ta’ taxxa li taddotta. Delia saħaq li l-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista ħadmu u se jkomplu jaħdmu biex itejjbu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin bil-ħidma tagħhom fil-Parlament Ewropew. Bħala eżempji huwa semma l-ħarsien tal-fruntieri, il-liġi tal-Work-Life Balance u l-ħidma fil-ġlieda kontra l-kanċer, xogħol li sar mit-tliet Ewroparlamentari preżenti f’isem il-PN.

Filmat: Facebook / Adrian Delia

Aktar mill-kampanja elettorali llum: