Read in English.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-partit tiegħu huwa lest li jappoġġja baġits ta’ emerġenza biex jgħin lin-negozji.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal dan waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali membri fl-MCESD dwar l-imxija tal-COVID-19 f’Malta.
Delia qal li l-PN ilu xahar jaħdem biex jara x’inhuma l-bżonnijiet immedjati tal-oqsma differenti.
“Aħna dejjem tkellimna fuq long term planning imma jeħtieġ nitħaddtu mhux biss fuq dak li l-Gvern qed jgħid li huwa s-sostenibbiltà iżda wkoll kif se noħorġu minn dan iż-żmien bl-aħjar mod,” qal Delia.
“Sal-lum għadni ma smajt xejn dwar l-abbozz inizjali li l-Gvern irid iressaq fil-Parlament biex niddiskutu dak li l-Gvern qed isejjaħlu pakkett finanzjarju ta’ €1.81 Biljun, li aħna qed ngħidu li fil-verità huwa €175 million f’investiment dirett, li lanqas jibda jindirizza l-problemi akuti illi għandna. Rigward il-mekkaniżmu ta’ kif dan se jiġi implimentat minn naħa taal-Parlament għad m’għandna xejn.
“Jeħtieġ nifhmu li dan il-pakkett irid l-ewwel jiġi maħdum imbgħad ippreżentat bħala abbozz, imbgħad niddiskutuh, anke biex intejbuh jekk hemm bżonn. Aħna qed noffru lill-Gvern illi naħdmu b’mod aktar veloċi u mħaffef, permezz ta’ seduti straordinarji anke jekk hemm bżonn wara l-ħinijet normali. Imma l-Gvern qisu qed jinsisti illi nibqgħu għaddejjin bil-Parlament b’mod normali u bl-aġenda normali.”
Delia qal li mhux qed jara normalità.
Matul din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija Kristy Debono u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Solidarjetà Soċjali Claudio Grech.
L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li Malta rreġistrat 11-il każ ġdid f’Malta. B’hekk it-total tela’ għal 64 każ.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.