Read in English.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia żvela 14-il grupp ta’ ħidma li se jkunu qed jibnu l-politika tal-Partit Nazzjonalista fuq erba’ temi prinċipali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-PN żvela li erba’ temi prinċipali huma s-soċjo-ekonomija, il-valuri umani f’soċjetà moderna, il-governanza tajba, u l-outreach. Se jkun hemm erba’ persuni nkarigati li jimbuttaw dawn it-temi li huma l-MPs Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Karol Aquilina, u l-MEP Roberta Metsola.
Delia ħabbar ukoll li se jkun hemm 14-il grupp ta’ ħidma, clusters, li se jkunu qed jaħdmu fuq għadd ta’ sotto temi.
- Il-benesseri soċjali
- Kwalità ta’ ħajja u s-saħħa
- Ekonomija ta’ għada
- Ambjent
- Infrastruttura u riżorsi
- Sigurtà
- Ġustizzja u tisħiħ tad-demokrazija
- Ekosistema għal Għawdex
- Tassazzjoni u sistema fiskali
- Settur pubbliku
- Teknoloġija avvanzata u innovazzjoni
- Soċjetà mibnija fuq l-għerf
- Identità nazzjonali f’dinja globali
- Popolazzjoni, integrazzjoni, u immigrazzjoni
Delia qal li l-PN iħares ‘il quddiem biex ikun jista’ jagħti kontribut lis-soċjetà. Qal li l-PN jemmen fil-poplu Malti u l-abbilitajiet tiegħu. Saħaq li fiċ-ċentru tal-politika tal-PN hemm iċ-ċittadin Malti.
Waqt li kien qed jispjega l-gruppi ta’ ħidma f’aktar dettal, Delia qal li l-ewwel pilastru huwa intiż li jgħin lin-nies itejbu l-ħajja tagħhom. Kompla jgħid li għalkemm il-flus huma importanti s-saħħa tal-bniedem hija aktar prezzjuża.
Dwar is-sigurtà Delia qal li n-nies m’għadhomx iħossuhom siguri fid-djar tagħhom. Dwar il-ġustizzja Delia qal li l-PN irid jibda mill-bidu minħabba l-ħsara li għamel il-Gvern Laburista lill-istituzzjonijiet.
Saħaq ukoll li jrid itejjeb l-identità Maltija fuq livell globali. Spjega li jrid li d-dinja tibda tisma’ x’inhi tgħid Malta.
Oppożizzjoni li tgħid li għandha pjan li tagħmel pjan – PL
F’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-PL qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar li l-Oppożizzjoni għandha pjan li tagħmel pjan.
“B’negattiviżmu tipiku għal kull settur li semma’ , il-Kap tal-Oppożizzjoni nesa biss isemmi cluster wieħed, dak sabiex l-Oppożizzjoni li jmexxi, jew jipprova jmexxi, taħdem għal darba, fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi u mhux għall-interessi politiċi tiegħu,” qal il-PL.
Fi stqarrija l-PL kompla jgħid li ironikament, Delia jrid jaghmel pjan ghall-pajjiz meta fi kliemu l-Partit Nazzjonalista qed jistruttura lilu nnifsu.