Filmat: Il-PL jaf x’inhi demokrazija, imma ma jridhiex – Delia

Intervistat fuq NET Television

Fl-akbar kriżi li qed naffaċċjaw irridu nużaw l-forza tal-għaqda biex ngħelbu l-isfidi.Intervistat fuq NET Television. 🇲🇹

Posted by Adrian Delia on Sunday, April 19, 2020

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li għalkemm il-Partit Laburista jaf x’inhi d-demokrazija ma jridhiex.

Dr Adrian Delia qal dan waqt intervista fuq NET TV, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.

Delia kkritika l-messaġġ li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fuq l-istazzjon nazzjonali. Skont Delia, Abela fetaħ id-diskors billi qal li se jitkellem dwar il-coronavirus imbagħad għamel 10 minuti jitkellem mingħajr referenza għall-virus.

Fi kliem Delia, Abela uża l-biża’ tan-nies dwar il-COVID-19 u r-razziżmu biex jattakka lill-oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili.

Delia insista li m’hemm ħadd f’Malta li jrid li jegħrqu nies innoċenti. Spjega li l-PN ma jridx li jintilfu l-ħajjiet imma li dan lanqas ifisser li Malta taċċetta l-immigranti kollha. Spjega li għalkemm l-immigranti jibqgħu ġejjin wieħed m’għandux iħallihom imutu bl-iskuża li m’għandux aktar post għalihom.

Delia qal li anke fi gwerra jkun hemm ir-regoli. Spjega li wieħed ma jistax jispara fuq suldat li ma jkunx armat, pereżempju.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika wkoll il-politika ta’ Abela li skont Delia ried ikabbar l-ekonomija Maltija billi jkabbar il-popolazzjoni mingħajr sostenibbilità.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel tiegħu t-talba ta’ Jason Azzopardi– PL

B’reazzjoni għal dak li qal Delia, il-Partit Laburista qal li Delia mhux biss iddefenda lil Jason Azzopardi li huwa ċar li qed iżomm il-Kap tiegħu ostaġġ, iżda bil-persistenza li ma jikkundanx dan l-aġir li jrid jitfa’ l-ħabs lil membri tal-Armata qed jagħmel tiegħu wkoll din il-logħba politika maħmuġa.

“Ironikament din il-kundanna lil membri tal-Forzi Armati ta’ Malta ġiet f’ġurnata fejn mezzi tax-xandir irraportaw kif il-Forzi Armati li Delia u Azzopardi jridu jitfgħu l-ħabs, salvaw aktar minn 13,000 ruħ minn fuq il-baħar mill-2013 ‘l hawn,” qal il-PL.