Filmat: It-tbissima fuq fomm l-ommijiet tixgħel kull kamra – Delia

Aġġornat 12:50 PM

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li waħda mill-affarijiet li tolqtu hija t-tbissima fuq fomm l-ommijiet, tbissima li tixgħel kull kamra li tkun fiha.

Delia qal li Jum l-Omm huwa jum fejn normalment kulħadd jinġabar id-dar u jkun hemm il-ġabra tal-familja madwar il-mejda. L-omm hija dik li titma u ħafna drabi anke f’jum l-omm tkun hi li sajret u temgħet lill-familja. Qal li fit-tessut tas-soċjetà, l-abbiltà tal-ommijiet fil-familji tagħhom, li fl-aktar mumenti diffiċli bħal dak kurrenti, iżommu s-saħħa morali.

Qal li jifhem li bħal lum hemm ħafna li qiegħdin id-dar u forsi qalbhom sewda u mxennqa għax ma jistgħux jaraw lil uliedhom. Qal iżda li jaf li dawn jifhmu li huwa sagrifiċċju li hemm bżonn isir għall-ġid tal-komunità u b’sens kbir ta’ mħabba li l-ommijiet biss jafu jagħtu.

Delia tkellem dwar ommijiet differenti li ġejjin minn sitwazzjonijiet differenti ta’ realtajiet soċjali. Qal li l-ommijiet huma dawk li l-aktar jagħmlu sagrifiċċju. Qal li dawn l-ommijiet rari jew qatt ma jaħsbu fihom innifishom l-ewwel.

Irrimarka li jrid jara aktar nisa fil-politika li jilleġiżlaw u jaħdmu għall-pajjiż.

Delia qal li l-politika li ħa taffettwa l-aktar lin-nies, hija dik il-politika li tagħmel differenza f’kull ħajja ta’ kull persuna u mhux politika tal-kliem. Delia qal li jixtieq li l-Partit Nazzjonalista jmexxi politika li verament jimpurtaha karaterizzata fuq il-figura tal-omm.

Hu temm billi awgura jum l-omm mill-isbaħ għall-ommijiet kollha.