Filmat: Qed niġġieled għall-isptarijiet biex l-anzjani jkollhom pensjoni aħjar – Delia

Read in English.

Il-ġlieda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn jidħol il-ftehim tal-bejgħ tal-isptarijiet mhux qed issir biss biex dawn l-isptarijiet jirritornaw f’idejn il-pajjiż, iżda wkoll biex l-anzjani jkollhom pensjoni aħjar. Hu qal dan f’intervista fuq l-istazzjon tal-PN.

Bħalissa Delia jinsab għaddej bil-kampanja tiegħu biex ikun elett mill-ġdid bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Intant, hu qed jikkompeti kontra Bernard Grech li wkoll issottometta l-kandidatura tiegħu biex jieħu l-post ta’ Kap tal-PN.

Delia qal li fis-sajf il-qrati jistrieħu, u meta jerġa’ jiftaħ il-Qorti se jkun hemm xhieda importanti li se tibqa’ twassal biex toħroġ aktar informazzjoni dwar dan il-ftehim. Sostna li se juru “l-qerq u s-serq” ta’ Gvern li “ma jistħix”. Tenna kif il-ftehim dwar l-isptarijiet kienet ħadma u semma x-xhieda tal-Ministru Edward Scicluna fl-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Delia sostna li minħabba dan il-kuntratt tal-Vitals qed ibatu l-ġuħ in-nies. Insista li jispera li ħadd ma jfixklu minn dak li qed jagħmel biex iġib l-isptarijiet lura f’idejn il-pajjiż.

Semma kif illum kien qed iżur numru ta’ djar. Sostna li diversi familji tkellmu miegħu dwar il-problemi tagħhom. Qal li ma’ persuna partikolari tkellem fuq il-pensjonijiet u kif dawn mhux biżżejjed biex l-anzjani jlaħħqu mal-ħajja. Delia rrimarka li l-kwart ta’ miljun li qed jisirqu l-Vitals, il-Gvern jista’ jagħti pensjonijiet aħjar lill-anzjani. Insista li l-ġlieda tal-Vitals mhux qed jagħmilha biss biex iġib l-isptarijiet lura iżda wkoll biex l-anzjani jkollhom pensjoni aħjar.

“Il-PBS immanipulat minn Kastilja”

Delia tkellem dwar it-tibdil fix-xandir pubbliku u sostna li kemm l-għażliet tal-persuni, kif ukoll tal-programmi fuq il-PBS qed tkun għal darboħra mmanipulata minn Kastilja. Qal li waħda mill-affrijiet li ried il-PN fit-tibdil kostituzzjonali kien li ma jkunx hemm Gvern jew Prim Ministru li jkollu l-poter li jiddeċiedi u jagħmel konferenza tal-aħbarijiet f’ħinijiet important, bħal ħin tal-aħbarijiet. Insista li x-xandir huwa pubbliku u mhux tal-istat.

Delia sostna li l-PM Robert Abela qed jgħaddilu l-perjodu li fih jistaħba. Qal li l-ewwel staħba wara li għadu fl-ewwel 100 jum tiegħu. Qal li mbagħad Abela staħba wara l-coronavirus u issa wara s-sajf. Staqsa: “issa wara xiex se jkun qed jistaħba Robert Abela?”

It-tfajliet u t-tfal jibżgħu jkunu waħdehom f’ċertu toroq

Delia semma diversi lokalitajiet u talab lil kulħadd idur dawn il-lokalitajiet u jistaqsi r-residenti jekk hux vera li fihom qed jiffurmaw il-ghettos. Implika li tfajliet Maltin jibżgħu jgħaddu minn ċertu toroq u minn quddiem ċertu stabbilimenti. Sostna li t-tfal lanqas jistgħu jmorru passiġġata sal-pjazza u jieħdu ġelat għax ma jħossuhomx siguri. Semma li l-anzjani lanqas għadhom siguri f’darhom. Insista li min jgħid li l-Ghettos ma jeżitux, ikun qed jidħak bil-poplu. “Diffiċli li tkun f’pajjiżek stess u tibża, imma hekk ġabuna,” insista Delia.

Irrimarka kif il-qtil sar xi ħaġa ta’ kull ġimgħa fil-pajjiż. Qal li hawn kriminalità impurtata u sostna li hawn ukoll din l-attitudni għax “il-Gvern qed jipproteġi lill-kriminali”. Appella biex kulħadd iwassal messaġġ lill-Gvern li ma jistax jibqa’ skużat.

Dwar Miriam Pace…

Delia tkellem dwar Miriam Pace li mietet wara li ġġarfet id-dar tagħha waqt li kienet fiha f’Marzu li għadda. Semma esperjenza ta’ persuni li qed jgħixu mbeżża’ fi djarhom, maġenb siti ta’ kostruzzjoni. Insista li hawn awtoritajiet li ma jridu jagħmlu xejn u li mhux organizzati. Sostna li l-infurzar ma jsirx u dan iwassal għal telf ta’ ħajjiet. “Mietet għalxejn,” ikkwota Delia lil Carmel Pace.