Filmat: Lanqas jekk ikun hemm tsunami ma negħleb – Delia

Read in English.

Posted by Net HD on Wednesday, July 8, 2020

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li lanqas jekk ikun hemm tsunami kontrih ma jegħleb.

Dan qalu waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista, NET. L-intervista saret f’nofs kriżi politika fi ħdan il-partit fejn il-maġġoranza tal-MPs ma jridux li Adrian Delia jibqa’ fl-irwol ta’ Kap.

Delia qal li ma jistax jibqa’ jittollera lil min jagħmel il-ħsara lill-partit. Qal li hemm kap li l-aħħar kelma tkun tiegħu. Żied jgħid li meta tittieħed deċiżjoni kulħadd irid jaqbel magħha.

Skont Delia fl-aħħar xhur il-PN kellu suċċess wara l-ieħor minkejja li kull sondaġġ juri li l-PL igawdi ferm aktar fiduċja mill-PN. Qal li fl-aħħar jiem irċieva volum ta’ messaġġi ta’ kuraġġ.

Delia saħaq li t-tesserati tal-partit għadhom iridu lilu. Qal li mhux se jaqta’ qalbu.

Skont Delia qed isirilu attakki minn kullimkien, inkluż mill-istituzzjonijiet. Żied jgħid li aktar ma jiġi attakkat, aktar jissaħħaħ.

Il-Kap Nazzjonalista ġie mistoqsi dwar l-investigazzjoni li talab lill-Pulizija biex tibda. Delia qal li ma riedx investigazzjoni fuq it-Times jew il-ġurnalisti tagħha imma fuq min u kif ntbgħatet l-informazzjoni li waslet għand il-ġurnalisti. Delia qal li m’għandu xejn x’jaħbi.

Huwa kien qed jitkellem dwar l-istorja li rrapportat it-Times dwar messaġġi li ntbgħatu bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia. Fenech bħalissa qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u qed iwieġeb mhux ħati.

Il-ġurnalisti mhumiex marbutin jikxfu s-sorsi tagħhom u dawn għandhom jiġu protetti.

Illejla l-grupp tal-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li lbieraħ ivvutaw kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li d-19 li huma huma determinat li jaħdmu għall-interess ta’ Malta u tal-PN. Fi stqarrija d-19-il MP qalu li l-vot tal-bierah kienet għażla diffiċli li l-grupp parlamentari kellu jaffaccja.

Skont sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, il-President George Vella ma avviċina lil ħadd mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti biex jiddiskuti magħhom il-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ġdid wara li Adrian Delia gie sfiduċjat minn kważi żewġ terzi tal-Grupp Parlamentari.