Filmat: Delia b’appell għal dawk li jħobbu l-Partit Laburista u l-pajjiż

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel appell lil dawk fil-Partit Laburista li jħobbu lill-pajjiż u lill-partit.

Hu għamel dan l-appell waqt li kien qed ikun intervistat fuq l-istazzjoni televiżiv tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu.

“Dawk in-nies li ħatfu l-Partit Laburista għadhom fil-Gvern u għadhom qed imexxu lil pajjiżna,” irrimarka Delia. Insista li fil-Partit Laburista hemm gwerer fuq min se jmur il-ħabs u min le, min se jinkixef u min le. Hu appella lil dawk fil-Partit Laburista li vera jħobbu lill-pajjiż u lill-partit biex jagħmlu kuraġġ għax “dan huwa żmien diffiċli ħafna fejn irridu niddeċiedu għall-pajjiżna”. Qalilhom biex ma jibżgħux, għax mhux se jkunu qed jidhru bħal qishom qed jitradixxu lill-pajjiż, iżda se jkunu qed jidhru kif huma jħobbu lil pajjiżhom.

Delia sostna li dak li qed ikun żvelat siegħa b’siegħa qed joħloq periklu lill-pajjiż. Dan hekk kif bħalissa, il-Partit Nazzjonalista qed ilaqqa’ l-Grupp Parlamentari biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi li ħarġu b’rabta mal-korruzzjoni u l-iskandli żvelati fl-aħħar jiem.

Delia rrimarka li fl-aħħar jiem il-poplu sar jaf kif il-Prim Ministru Robert Abela kien jaf bl-iskandli. Sostna li Abela kien appoġġjat mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dan hekk kif Abela wiegħed li kien se jkompli fuq il-passi ta’ Muscat. Semma kif intant, Chris Fearne, kien lest li jbiddel il-ħażin u li ma jiddefendix lil dawk li jkunu qed jagħmlu l-ħsara lill-pajjiż.

Intant, għamel referenza għad-diskors li qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo. Bartolo qal li fit-tibdil li qed jagħmel il-Partit Laburista, ikun inutli li tinbidel il-qoxra ta’ barra, iżda jinżamm it-taħsir ta’ ġewwa.

Irrimarka kif fil-Parlament hemm ħafna persuni li mhux qed iħossuhom komdi. Qal li dan huwa l-mument li kulħadd jagħmel l-għażla li hemm bżonn għall-pajjiż għax se jkun tard wisq. Insista li l-ħsara li se ssir hija rriparabbli, imma hemm bżonn li wieħed jgħaddi messaġġ ta’ tama. “Il-politiċi qiegħin hemm mhux biex jieħdu għalihom iżda biex itejbu l-ħajja tal-poplu,” insista Delia.

Delia insista li n-nies issa qed jindunaw li l-korruzzjoni qed iħallsu għaliha huma. Qal li dawk li l-pensjonijiet tagħhom mhux qed iservuhom, dawk li qed iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bl-ogħli, dawk li ma ħadu xejn, dawn kollha qed iħallsu għall-iżbalji tal-Gvern.

Dwar jekk l-elezzjoni hix soluzzjoni f’dan iż-żmien, Delia qal li għal Abela hija soluzzjoni għax jiġri kif ġara sentejn ilu biex jippruvaw jgħattu l-korruzzjoni li saret. Qal li l-gvern mhux gvern ta’ normalità, imma hemm klikka żgħira li ġiet issussidjata minn dawk li għandhom interess finanzjarju, ta’ kriminalità u li jisirqu l-poplu.