Filmat: Ma naħsibx li se nitilfu l-elezzjoni li jmiss – Delia

Read in English.

Intervistat mill-gurnalist tal-Illum Albert Gauci Cunningham.

Posted by Adrian Delia on Saturday, May 30, 2020

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li ma jaħsibx li l-Partit Nazzjonalista se jitlef l-elezzjoni li jmiss.

Delia qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, NET TV.

Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li se jnaqqas id-distakk bejn il-PN u l-PL, Delia qal li mhux qed jgħid li l-PN se jitlef.

“Saħansitra ma naħsibx li se nitilfu,” kompla jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Delia ġie mistoqsi dwar l-elezzjonijiet ġenerali fid-dawl tax-xnigħat li se jkun hemm elezzjoni bikrija. Il-Kap tal-PN qal li ma jaħsibx li l-PN se jitlef, però kull sondaġġ li sar fl-aħħar xhur juri l-PL fuq quddiem. Il-PL kiseb maġġoranza fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-MEPs.

Mistoqsi dwar jekk hux se jirreżenja jekk il-PN ma jnaqqasx id-distakk, Delia qal li ma kienx qiegħed hemm biex jagħti t-tali garanziji.

Il-virus għadu hemm – Delia

Delia qal li l-coronavirus għadu fil-komunità. Appella lin-nies isegwu l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Ikkritika dak li sejjaħ bħala messaġġi konfliġġenti li jagħti l-PM Robert Abela. Delia qal li Abela sikwit jgħid bil-kontra ta’ x’jgħidu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent għas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci.

Il-ftuħ tal-ajruport f’idejn il-Professur Gauci – Delia

Delia qal li d-data ta’ meta jinfetaħ l-ajruport tistrieħ f’idejn Prof. Gauci. Qal li mhuwiex il-Prim Ministru li jieħdu din id-deċiżjoni sakemm tibqa’ fis-seħħ l-emerġenza tas-saħħa pubblika.

Il-Kap tal-PN qal ukoll li bħalissa hemm 11,000 persuna bla xogħol minħabba l-coronavirus u li l-PM Robert Abela qed ikun insensittiv lejhom.

Delia qal ukoll li m’għandux Chief of Staff. Qal li għandu żewġ persuni impjegati fl-uffiċċju tal-Kap tal-PN. Fi kliemu, l-ispiża ta’ dan l-uffiċċju hija l-inqas li qatt kienet meta mqabbel ma’ kapijiet preċedenti.

L-intervista saret mill-editur tal-gazzetta Illum Albert Gauci Cunningham.

Illum Delia ġie intervistat ukoll minn Fr Joe Borg fuq 103 Malta’s Heart. F’dik l-intervista Delia qal li l-akbar kriminali baqgħu ma ġewx ikkastigati ta’ għemilhom, b’referenza għal Keith Schembri, filwaqt li Malta kollha qamet u rreaġixxiet għall-filmat tal-Kuntistabbli tal-Pulizija tiżfen li qajjem kwistjoni din il-ġimgħa.