Filmat: Delia jinsisti mill-ġdid li m’għandux għalfejn jirreżenja

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia insista mill-ġdid li hu m’għandux għalfejn jirreżenja. Dan qalu waqt li kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist tal-MaltaToday Kurt Sansone. Kull nhar ta’ Sibt, Delia qed ikun intervistat minn ġurnalisti differenti li ġejjin minn kmamar tal-aħbarijiet differenti lokali.

Sansone beda b’mistoqsija dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Delia fil-kumpilazzjonijiet b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Delia qal li qabel ma nqalgħet il-problema li Fenech kien involut fl-assassinju, hu kien jiltaqa’ ma’ numru ta’ “business people” (negozjanti) u kien iltaqa’ ma’ Fenech b’dan il-mod darba fi grupp. Il-laqgħa li kienet f’forma ta’ ikla kienet saret f’farmhouse. Qal li wara li beda jissemma f’allegazzjonijiet, mhux biss fl-assassinju imma minn qabel, malli ħarġu l-allegazzjonijiet ta’ 17 Black, hu ma baqax jiltaqa’ ma’ Fenech.

Dwar ix-xhieda ta’ Theuma fl-inkjesta pubblika dwar Daphne Caruana Galizia, Theuma qal li Fenech offra l-flus lill-PN biex titfixkel il-kandidatura ta’ Casa, Delia qal li ħadd qatt f’ħajtu ma avviċinah bi flus fejn jidħlu karigi fil-partit. “Jekk xi ħadd jazzarda javviċina lili jew jazzarda javviċina lil xi ħadd fil-partit jien nirrapporta lill-pulizija,” insista Delia. Qal li l-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara li qatt ma pprova jikkawża problemi lill-kandidati tiegħu fl-elezzjonijiet.

Tkellmu wkoll dwar l-allegazzjonijiet li kien semma sena ilu li jikkorroboraw mal-aħħar allegazzjonijiet. Delia qal li l-pulizija qatt ma investigaw qabel minkejja l-allegazzjonijiet ta’ Thake, iżda issa stenbħu biex jinvestigaw. Delia insista li Yorgen Fenech kien ċaħad dan, u li m’hemm l-ebda prova li turi li kien hemm dan il-ħlas.

Il-ġurnalist semma kif Schembri qal fil-Qorti li Pierre Portelli kien imur f’Portomaso jiġbor €20,000 qabel il-kampanja tal-MEPs. Sansone staqsa jekk Delia jistax jaħlef għal kull persuna fil-Partit. Delia qal li fil-funzjoni tiegħu bħala Kap tal-Partit hu ma jmissx il-flus. Qal li mal-allegazzjonijiet staqsa lill-membri tiegħu li assigurawh li wara Novembru tal-2018 ma daħlu l-ebda donazzjonijiet tat-tip. Delia qal li hu trankwill u insista li dan kollu hu gideb.

“Aħna lil Keith Schembri se nemmnu?”

Delia sostna li hu qatt ma qal li gideb Melvin Theuma. Theuma rċieva l-proklama bil-patt u l-kundizzjoni li jgħid il-verità kollha dwar dak li jaf b’rabta mal-assassinju. Delia qal li Theuma, kull ma qal kien dak li qallu Yorgen Fenech.

Delia insista li hemm persuna waħda li qed iżżomm u tostor l-informazzjoni, qal li din il-persuna hija Keith Schembri. Hu staqsa “aħna lil Keith Schembri se nemmnu?”

Delia għandu jirreżenja?

Dwar jekk b’rabta mal-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu għandux jrireżenja, Delia qal li m’hemm l-ebda kawża kontrih. Sostna li l-inkjesta maġisterjali li hemm fil-Qorti bħalissa, mhix fil-konfront tiegħu minkejja li din tinvolvih. Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien vokali b’rabta ma’ allegazzjonijiet fil-konfront tal-Partit Laburista u l-membri tiegħu fil-gvern u mhux l-ewwel darba li għajjat għar-riżenji ta’ ħaddieħor.

Delia sostna li hu mhu qed jikkumbatti xejn u m’hemm xejn li qed itellfu milli jagħmel ix-xogħol tiegħu kif suppost. Thake, wara li ta x-xhieda tiegħu fl-inkjesta l-Ħamis li għadda, qal li kull politiku li għandu allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu għandu jirreżenja.

“Huwa ċar li qed indejjaq ħafna nies għax kull min għid affarijiet dwaru fil-passat mill-kamp oppost qed jitneħħa u jiġi fi kliemi,” qal Delia. Delia insista li hu ma jitkellimx biss, imma jieħu azzjoni.

Tkellmu wkoll dwar id-diversi surveys li saru li juru li l-poplu ma jafdax lil Delia. Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jibda jaħdem biex dawn il-persuni li huma indeċiżi dwar liema partit se jissapportjaw ikunu jistgħu jidentifikaw mal-Partit Nazzjonalista minflok jibqgħu indeċiżi.

“Robert Abela mhux qed jieħu deċiżjonijiet”

Delia insista li Robert Abela mhux qed jieħu deċiżjonijiet. Insista li kieku kien qed jieħu deċiżjonijiet kien ikeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija. Qal li Abela kien jaf ħafna fatti minn qabel u aġixxa biss fuq il-fatti meta dawn ġew ippubblikati. Hu semma kif Abela qal li l-każ ta’ Joseph Muscat mhux l-istess bħal dak ta’ Konrad Mizzi. “Abela qed jitqiegħed daru mal-ħajt,” insista Delia.

Hu rrimarka kif in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet ta’ Abela qed iwasslu biex Malta tibqa’ taqa’ fl-istatistiċi. Qal li dn ifisser li fir-rapport tal-MoneyVal se nibqgħu sejrin lura.