Filmat: In-nies qed iħallsu għall-korruzzjoni tal-Gvern – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-poplu qed iħallas għall-korruzzjoni tal-Gvern. Huwa kien qed jiġi intervistat l-Erbgħa filgħaxija fuq il-programm Magħkom fuq Net Television.

Adrian Delia qal li wieħed jista’ jinnota li l-flus li ntilfu minħabba l-korruzzjoni tal-Gvern setgħu ntużaw biex jgħinu lin-negozji u n-nies li jinsabu fil-bżonn. Huwa żied li wara l-pandemija tal-coronavirus il-pajjiż kien dieħel f’riċessjoni.

Dr Delia kien qed iwieġeb għall-mistoqsija dwar l-inkejsta maġisterjali li qed issir minħabba l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi mill-membri tal-Kabinett. Huwa qal li dawn il-fondi pubbliċi setgħu faċilment jintużaw f’dan iż-żmien ta’ inċertezza. Delia enfasizza li l-gvern kisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Mhux qed isir bizzejjed mill-Gvern biex jgħin lil dawk vulnerabbli

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed biex jgħin lil dawk li jinsabu f’riskju ta’ povertà. Huwa qal li dawn il-persuni ma bbenefikawx mill-miżuri li tħabbru mill-gvern it-Tnejn li għadda. Żied li l-Gvern tilef il-kuxjenza soċjali.

Matul din l-intervista Dr Delia kkritika l-mudell li adotta l-Partit Laburista dak li jserraħ fuq il-ħaddiem barrani biex jiġġenera l-ekonomija. Huwa qal li ħafna minn dawn il-ħaddiema barranin telqu minn Malta hekk kif faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus.