Filmat: L-aħħar kelma dejjem tat-tesserati – Delia

Read in English.

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-aħħar kelma dwar min imexxi l-Partit Nazzjonalista hija dejjem dik tat-tesserati.

Delia qal dan waqt intervista fuq NET FM, l-istazzjon tar-radju tal-partit tiegħu.

Delia qal li hemm min irid jipprova jpenġi dak li għaddej minnu l-PN bħalissa bħala xi gwerra li mhu se tispiċċa qatt. Qal li hija ħaġa normali li jkun hemm argumenti u dibatti f’partit. Żied jgħid li l-PN irid jgħaddi minn “proċess” li ma jkunx deċiż minn erba’ min-nies.

Delia qal li d-diżgwid intern li jkun hemm fil-Partit Laburista (PL) ma jisemmax fil-pubbliku. Qal li fl-aħħar bidliet fl-elezzjoni interni tal-PL ħarġet lista tal-kandidati – li mhux se jkunu kkontestati.

Fi kliem Delia, il-PN jemmen fit-trasparenza. Saħaq li jrid iqiegħed lilu nnifsu għall-iskrutinju tan-nies. Qal li huwa faċli li tiddeċiedi dwar oħrajn.

Waqt l-interivista Delia reġa’ ddeskriva l-vot ta’ sfiduċja kontrih mill-Grupp Parlamentari bħala dikjarazzjoni li effettivament ma tbiddel xejn. Iddeskriva wkoll il-vot li se jittieħed dwar il-futur tiegħu fil-bidu ta’ Awwissu bħala “appuntament annwali”.

Skont Delia, id-diffikultajiet li jinqalgħu fid-dinja jsaħħu lil dak li jkun. Qal li jieħu gost bil-kritika u bid-diskussjoni. Saħaq li jiġri x’jiġri se jkompli jiġġieled għall-PN.

Il-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista qalu li fl-aħħar jiem Adrian Delia wera li qed joħloq firda fil-Partit Nazzjonalista. Huma qalu dan fi stqarrija li fiha qalu li Delia kellu jassumi r-responsabbiltà politika u jwarrab bil-kwiet.