Filmat: Bżonn ta’ pakkett speċjali ta’ għajnuna għal Għawdex – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet speċifikament dwar Għawdex. Hu appella għal pakkett speċjali ta’ għajnuna speċifika għal Għawdex u n-negozji tiegħu.

Il-Gvern qal li l-Għawdxin, fejn tidħol saħħa pubblika, ġew “short lived”. Qal li dan minħabba li l-Isptar Ġenerali t’Għawdex inbigħ lil kumpanija privata. Sostna li kieku Għawdex ingħata l-prijorità li kellu bżonn, kien ikun hemm 400 sodda oħra f’Għawdex.

Aktar kmieni s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ħabbret li saru 304-il test ieħor u ħarġu 17-il każ ieħor pożittiv. B’hekk hawn 107 każijiet f’Malta.

Delia rrimarka li l-ekonomija ta’ Għawdex tiddependi ħafna iktar minn dik ta’ Malta fuq is-settur tat-turiżmu. Qal li l-Gvern mhux qed jagħmel taħdidiet mal-imsieħba soċjali Għawdxin. “Mijiet ta’ impjiegi u postijiet tax-xogħol li se jintilfu u diġà bdew jintilfu,” qal Delia. Qal ppropona “special aid package” għal dawk kollha li mhux biss jinsabu fis-settur tat-turiżmu, imma dawk kollha li qed isofru minħabba l-ekonomija.

“Jekk vera rridu nsalvaw il-postijiet tax-xogħol f’Għawdex u nsostnu l-kumpaniji, irridu naġixxu issa,” insista Delia.

Il-MP tal-PN Chris Said sostna li d-daqqa ta’ ħarta li ħadet f’Għawdex qed tinħass ħafna. Qal li l-GDP ta’ Għawdex 50% tiegħu ġej mit-turiżmu, qal li dan fil-kuntrarju għal dak ta’ Malta, li s-settur tat-turiżmu jikkontribwixxi għal inqas minn 20%. Qal li l-istatistika turi wkoll li d-dħul ta’ familja Għawdxija taqla inqas minn familja Maltija.

Said tkellem ukoll dwar il-gap bejn Malta u Għawdex fl-iżvilupp ekonomiku, li qal li issa telgħet għal 41%, b’żieda ta’ 15%. Irrimarka li hija xi ħaġa tal-iskantament li ħadd mill-Gvern ma ddenja jiltaqa’ u jikkomunika mal-imsieħab soċjali Għawdxin. Hu rrimarka li l-Gvern m’għandux jiddiferixxi l-ħlasijiet imma li l-ħlas li jrid isir lill-Gvern jinħafer jew jitnaqqas.

Said qal li n-nies tan-negozju f’Għawdex jinsabu f’paniku, ma jafux x’se jagħmlu bil-ħaddiema. Irrimarka li kien hemm persuni li diġà tilfu xogħolhom. Qal li hemm bżonn sforz urġenti.

Min-naħa tiegħu l-MP Kevin Cutajar qal li f’Għawdex s’issa kien hemm żewġ każi rappurtati ta’ coronavirus. Qal li l-uġigħ ta’ ras tal-Għawdxin hija jekk it-trażmissjoni hix qed issir lokalment f’Għawdex jew le.

Cutajar tkellem dwar il-vapuri tal-Gozo Channel u l-miżuri. Qal li l-miżuri li ttieħdu kienu tajbin, madanakollu qal li wieħed jistaqsi jekk kienx ikun iktar għaqli li kieku dawk il-miżuri ttieħdu iktar kmieni. Qal li l-ftit nies li qed jaqsmu, u l-ħaddiema tal-Gozo Channel m’għandhomx moħħhom mistrieħ.

Tkellem ukoll dwar l-iswab hub. Qal li jsibha diffiċli li jifhem għaliex m’hemmx ċentru għall-iswabbing f’Għawdex. Qal li dan ifisser iktar riskju għall-Għawdxin għax qed jintilef iktar ħin. Qal li ilu żmien twil jipprova jifhem dwar kemm hemm sodod. Qal li l-aħħar ċifra li sema’ kien ta’ 100. Qal li jixtieq jifhem kemm minn dawn huma mgħammra għall-kura intensiva.

Cutajar qal li hu persuna b’diżabilità u f’ħajtu mdorri bil-mewġ ġej għal wiċċu. Qal li dan il-mument huwa sitwazzjoni fejn ġej il-mewġ għal wiċċ il-poplu kollu. Qal iżda li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu f’dan iż-żmien. Qal li dan huwa żmien biex kulħadd jaħdem flimkien, biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet biex tingħeleb din il-marda.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi dwar ċifri li qed jitkellem dwarhom Delia u l-PN, Delia qal li sal-lum stess, il-costings tal-Gvern għadhom mhux magħrufa. Qal li sal-lum stess, il-pakkett finanzjarju mniedi mill-Gvern għadu lanqas ma ġie propost quddiem il-Parlament. Qal li dak li ħabbar il-Gvern s’issa huwa biss kliem.

Delia sostna li ladarba l-Gvern joħroġ in-numru uffiċjali ta’ persuni fil-kwarantina, mela l-oppożizzjoni tkun tista’ tagħti l-figura.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn