Filmat: L-Oppożizzjoni tipproponi Kummissarju kontra l-Korruzzjoni

Aġġornat 06:43 PM

Read in English.

L-Oppożizzjoni pproponiet li jkun appuntat Kummissarju Kontra l-Korruzzjoni. Din hija waħda mill-proposti li l-Oppożizzjoni għamlet f’reazzjoni għall-proposti tal-Gvern fejn tidħol ir-riforma kostituzzjonali. Il-Gvern bagħat din ir-riforma lill-Kummissjoni Venezja l-ġimgħa li għaddiet mingħajr ma għamel konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mas-Soċjetà Ċivili qabel.

Il-mexxej tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riformi Kostituzzjonali Chris Said ippreżentaw il-proposti tal-Oppożizzjoni waqt konferenza tal-aħbarijiet illejla.

Il-proposti jaraw lill-President jieħu f’idejh aktar poteri jekk ikun elett minn żewġ terzi tal-Parlament. Delia tkellem ukoll dwar il-bżonn li t-tlett poteri tal-istat jiffunzjonaw indipendentament minn xulxin, jiġifieri l-eżekuttiv, il-leġiżlattiv u l-ġudizzjarju. Hu qal li l-Parlament għandu jerġa’ jiġi indipendenti mill-Gvern biex ikun jista’ jsegwi dak kollu li qed jagħmel il-Gvern. Hu indirizza wkoll il-bżonn li jkun hemm Kummissarju għall-Pulizija li jaġixxi b’mod indipendenti mill-Gvern.

Intant, tliet proposti prinċipali mressqa mill-Gvern jinkludu li l-Prim Imħallef jkun elett minn żewġ terzi tal-parlament, li jkun hemm separazzjoni bejn il-poteri tal-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali u li l-poteri li għandu f’idejh il-Prim Ministru, jaqgħu f’idejn il-Kabinett.

Ir-riformi huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Venezja lura f’Diċembru tal-2018.

Said qal li wħud mill-proposti tal-Oppożizzjoni jinkludu:

  • Kummissarju Kontra l-Korruzzjoni li jkollu d-dritt jibda proċedimenti bil-qorti u li l-Kummissarju tal-Pulizija jaġixxi skont l-istruzzjonijiet tiegħu. L-Oppożizzjoni ssuġġeriet li dan ikun elett minn żewġ terzi tal-Parlament.
  • Il-President ikun elett minn żewġ terzi tal-membri Parlamentari. Qal li meta dan jibda jseħħ, ikun jista’ jibda jkollu aktar poteri f’idejh.
  • L-erba’ organi tal-Kostituzzjoni, bħall-Awtorità tax-Xandir, m’għandhiex tibqa’ tiġi appuntata mill-Prim Ministru imma r-responsabbiltà għandha tinqasam bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Qal li jekk ma jintlaħaqx ftehim, jintervjeni l-President.
  • Li jkun hemm quota fuq l-għadd ta’ persons of trust tal-Gvern
  • Li d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Ombudsman u li l-Gvern ifalli milli jimplementa għandu jkun hemm ġustifikazzjoni għalihom u jkunu spjegati quddiem il-Business Committee fil-Parlament.

Barra minn dawn il-proposti, Said qal li ddiskutew proposti oħrajn li l-Oppożizzjoni diġà tkellmet dwarhom fil-passat. Dawn jinkludu li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jkunu eletti minn żewġ terzi tal-Parlament, il-Membri tal-Parlament li mhux qed jokkupaw pożizzjonijiet fil-gvern bħal dawk ta’ diretturi ta’ istituzzjonijiet.

Said semma wkoll li l-President għandu jitħalla jagħti l-maħfra presidenzjali wara li jikkonsulta ma’ grupp ta’ esperti tekniċi u jħalli lill-Kabinett barra minn din id-deċiżjoni. Il-proposti tal-Oppożizzjoni jaraw ukoll lill-President li jkollu dritt jibgħat liġi lura fil-Parlament jekk b’xi mod jew ieħor din tkun kontra l-Kostituzzjoni. Proposta oħra hija dik li jkun hemm Kunsill tal-Istat li jkun magħmul minn Presidenti u Prim Ministri passati li jkollhom irwol konsultattiv.