Filmat: “Agħmel dak li hu ġust dwar it-tliet sptarijiet” – Delia lil Abela

Adrian-Delia2

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li sodda waħda inqas u ventilatur wieħed inqas ifisser li persuna waħda oħra tista’ ma tgħix. Delia qal li fil-pajjiż hawn tliet sptarijiet li tħallew jitmermru għal sitt snin sħaħ. Sostna li l-poplu kellu jħallas il-miljuni u nsteraq. B’hekk appella sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jagħmel dak li hu ġust dwar il-ftehim tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet.

Delia fakkar kif il-Gvern f’Ottubru tal-2017 kien iffirma ftehim sigriet ma’ Vitals Global Healthcare. Dan kien qabel ma ħarġet it-talba.

Delia sostna li Vitals tħallew mill-Gvern ibigħu l-obbligi tagħhom huma bi profitt kbir lil Steward Healthcare fil-bidu tal-2018. Delia qal li minkejja li wiegħed mod ieħor, il-Gvern kien ċeda garanzija minkejja li l-obbligi ma twettqux.

Tkellem ukoll dwar dikli sejħilha “escape clause” li jekk Steward jonqsu huma, anke jekk dan isir b’mod ovvju, il-Gvern Malti jrid jagħtihom €100 miljun. Delia qal li dik is-saħħa ta’ flus fl-infrastruttura medika tal-pajjiż ma tistax tintuża għax il-Gvern għażel li jħallas xi ħaġa tat-tip.

Delia sostna li bħalissa iktar minn qabel, is-saħħa hija fuq moħħ kulħadd. Appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jagħmel dak li hu ġust f’dan il-mument. Delia qal li lest li jappoġġja lill-Gvern biex l-isptarijiet jinġiebu lura flimkien, biex ma jitħallasx €100 miljun.

Min-naħa tiegħu, il-MP Stephen Spiteri sostna li l-Gvern għandu obbligu li jieħu miżuri u direttivi li jassiguraw li s-saħħa pubblika tiġi l-ewwel u qabel kollox. Qal li l-iscreening, l-isolation u l-kwarantina huma bżonnjużi u x-xogħol li qed isir hawn huwa tajjeb ħafna. Sostna li l-infurzar huwa importanti u importanti li l-fruntieri jibqgħu magħluqin.

Spiteri qal li l-Gvern huwa responsabbli li jassigura li jkun hemm biżżejjed sodod disponibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet. Qal li fi tliet ġimgħat u ftit il-każi qabżu l-180 każ. Qal li l-appell lejn il-Gvern huwa li jaċċellera l-miżuri meħtieġa. Qal li hija kontradizzjoni li wieħed iwaqqaf clusters ta’ aktar minn tlieta meta għandek trasport pubbliku baqa’ għaddej u l-persuni li jaħdmu fil-fabbriki jkunu għexieren fl-istess ħin.

Min-naħa tiegħu, il-MP Mario Demarco qal llum m’hawn ħadd fil-pajjiż li mhux konvint li l-ftehm ta’ Vitals u Steward hija serqa sfaċċata. Demarco qal li dan huwa każ klassiku ta’ kif m’għadhomx isiru l-public procurement u kif m’għandux isir kuntratt. Qal li hemm bżonn li jerfa’ r-responsabbiltà għal dan kollu l-Gvern u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Irrimarka li kieku l-Ministru Scicluna għamel xogħolu ma kien jippermetti qatt li jingħata kuntratt li jiswa l-biljuna lil kumpanija tat-tip start-up. Qal li kieku għamel xogħolu kien jassigura li dawn jonoraw l-obbligi tagħhom u fejn jonqsu jeħlu l-multi penali. Għalhekk sostna li r-responsabbiltà tal-Ministru Scicluna tmur lil hinn mir-responsabbiltà tal-Kabinett.

Hu semma l-klawżola tal-multa ta’ €100 miljun mhux fuq min m’għamilx xogħolu, imma fuq il-poplu Malti li qed iħallas u mhux qed jieħu dak li qed iħallas għalih. “Il-Ministru ma jistax jibqa jistaħba wara l-paraventu li dan il-kuntratt ma kienx responsabbiltà tiegħu,” qal Demarco.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi dwar x’investigazzjonijiet għandhom isiru, Delia qal li għandha ssir investigazzjoni kriminali fejn jidħol il-kuntratt tal-isptarijiet.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandhomx iħallsu lill-ARMS, qal li hija l-Media.Link għandha tħallas lill-ARMS. Dan wara mistoqsija mill-ġurnalisti tal-Partit Laburista.

Mistoqsija oħra tirrigwarda kliem li kien uża l-PM Robert Abela biex jirreferi għall-proġett ta’ Steward Healthcare bħala xi ħaġa “on the backburner”. Delia qal li kieku llum, il-Gvern kellu 800 sodda oħra x’juża’.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn