Filmati: Daphne mfakkra mill-ġdid wara xhur mingħajr protesti

Read in English.

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia tfakkret f’attività llejla hekk kif għadd ta’ attivisti reġgħu nġabru quddiem il-mafkar tagħha fil-Belt Valletta sabiex jissoktaw bil-ġlieda tagħhom sabiex issir ġustizzja magħha u ma’ familtha.

Il-protesti li jsiru ta’ kull xahar fl-anniversarju mill-qtil tagħha, li seħħ fis-16 t’Ottubru tal-2017, kellhom jieqfu ħesrem meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus f’Malta f’Marzu. Madankollu, issa li l-miżuri qegħdin jiġu llaxkati u li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ritorn lejn in-normalità, l-attivisti tal-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice raw li jorganizzaw attività b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia f’għeluq it-32 xahar mill-assassinju tagħha.

Lil hinn minn dan, ħassew il-ħtieġa li jorganizzaw din l-attività wara dak li qed jiġi żvelat fil-qorti b’rabta mal-każ. Ilbieraħ, wara x-xhieda ta’ Johann Cremona u Edgar Brincat magħruf bħala l-Ġojja, il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li ssir investigazzjoni kriminali dwar l-aġir tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, peress li ismu qed jissemma kemm-il darba.

Qed jissemma ta’ sikwit ukoll isem l-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, li kien tella’ lill-ġurnalista l-qorti meta din kitbet fuq il-blogg tagħha li huwa kien ġol-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost kien fuq xogħol ministerjali. Illum il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li talab lil Cardona jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara dak li ntqal fil-qorti, u wara għadd ta’ sejħiet għar-riżenja jew tkeċċija tiegħu minn entitajiet diversi.

Posted by Repubblika on Tuesday, June 16, 2020

Filmati: Monique Agius