Intervista mal-President u s-Sinjura Vella

Kif inbidlitilhom ħajjithom? X’viżjoni għandhom għall-bqija tal-Presidenza?

Read in English.

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella huma l-mistiedna ta’ Newsbook.com.mt f’intervista live minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono.

15:00 L-aħħar appell tal-President: "Meta tingħaqad, tagħti s-saħħa lilek innifsek, tgħolli s-self-esteem tiegħek u tagħti kuraġġ lil min imexxi."
Sephora Francalanza
14:58 Il-President qal li fl-Istrina kellu l-biża' li jkun hemm xi sabutaġġ.
Sephora Francalanza
14:56 Fun Run:
Il-President jiċċajta li hu se jimxi u mhux jiġri.

L-appell tas-Sinjura Vella hu għall-għaqda. Qalet li bħall-Istrina, fil-Fun Run, jispiċċa l-aħmar, il-blu, l-oranġjo jew l-aħdar.

Il-President qal li okkażjoni bħal din hi opportunità fejn tispikka l-għaqda tal-Maltin, peress li hemm għan wieħed b'kontribut għal min għandu bżonn.
Sephora Francalanza
14:53 Il-President u s-Sinjura Vella jitkellmu fuq il-lingwaġġ u l-oxxenitajiet li jinkitbu fil-kummenti tan-nies fuq il-midja soċjali.

Jgħid li hemm ħafna tajjeb fis-soċjetà Maltija, tant li anke l-Papa Franġisku faħħar lill-Maltin, iżda jeħtieġ li l-Maltin jikkonservaw it-tajjeb.

Qal li għalhekk semma l-valuri fid-diskors tat-13 ta' Diċembru.
Sephora Francalanza
14:48 Riforma kostituzzjonali:
Il-President qal li fetaħha kemm felaħ, anke fuq suġġeriment ta' Repubblika. Issa se jagħmlu rapport oġġettiv ta' x'daħal fis-sottomissjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika. Il-President għandu f'moħħu li dan ir-rapport idur xi ħames konferenzi għal iżjed konsultazzjoni, joħorġu r-rakkomandazzjonijiet, isiru abbozzi ta' liġi u mbagħad imorru l-Parlament biex jiġu aċċettati.

Qal li fil-frattemp għandu affarijiet oħra għaddejjin li jistgħu jiġu deċiżi, pereżempju kif jinħatru l-imħallfin. Qal li qabel inqalgħet il-kriżi politika, kienu qorbu biex iż-żewġ partiti jaqblu fuq dan, anke skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja.

Il-President qal li diġà tkellem mal-Prim Ministru Robert Abela biex ipoġġu bilqiegħda u jiddiskutu.
Sephora Francalanza
14:46 Il-vawċers bdew bi €30,000 fix-xahar, u sakemm wasal il-President dawn telgħu. Suppost dan il-vawċer ikun għall-ikel, iżda jkun hemm min iġemmagħhom u jonfoqhom f'affarijiet oħra.

Qal li għamlu s-sistema kemxejn iżjed stretta, u n-nies li jiħduhom niżlu. Baqa' jieħu biss min kien ġenwin. Il-President qal li m'hemm l-ebda regolamenti differenti, iżda issa hemm iżjed infurzar.
Sephora Francalanza
14:44 Is-Sa Vella: "Is-separazzjonijiet qegħdin iġibu faqar modern."

Iġġib eżempju b'koppja miżżewġa li tissepara wara 10 snin u li ma tkunx għadha qatgħet il-flus mislufa mill-bank, qasmu biss l-interessi. Apparti hekk, jikru xi post, ikunu jridu jħallsu l-manteniment.

Tgħid li l-Gvern qed jgħid fil-kera u anke fil-kontijiet, iżda minkejja kollox, dawn ma jwasslux ix-xahar kollu u mbagħad xi wħud minnhom jirrikorru għall-Malta Community Chest Fund.
Sephora Francalanza
14:41 Jitkellmu issa fuq l-ispejjeż tal-mediċina, f'każijiet fejn iridu jħallsu pereżempju €8,000 għal pillola waħda.

Il-President qal li l-prezzijiet tal-mediċina tal-onkoloġija splodew. Qal li l-flus li jiġbru f'maratoni jew fil-Fun Run, pereżempju, jitilqu f'sekonda b'dawn il-prezzijiet.

Qal li kkumparaw il-prezzijiet ma' ta' pajjiżi oħra, u sabu li hawn Malta huma ogħla minn ta' diversi pajjiżi.
Sephora Francalanza
14:39 Il-President jirrakkonta kif hemm familji li jispiċċaw jitilqu kollox meta xi ħadd mill-familja jimrad. Nies bħal dawn iridu jiddependu fuq il-karità peress li jitilqu mix-xogħol.

Jgħid, iżda, li jimpressjona ruħu bl-għaqda li jkollhom bejniethom, anke bejn il-familji.
Sephora Francalanza
14:37 Is-Sa Vella titkellem dwar każ ta' xi ħadd li qiegħed ġo halfway house, li kienet f'Monte Karmeli għal 40 sena, m'għandha dħul ta' xejn, u lanqas ħwejjeġ x'tilbes. Tgħid li tant daħlet fiha, li tat struzzjonijiet biex jixtrulha dak kollu li għandha bżonn.

Tgħid li mid-dehra m'hemmx soluzzjoni għal din il-mara li għadha bla dħul.
Sephora Francalanza
14:35 Fr Joe jgħid li l-President u martu dejjem kienu qrib in-nies. Jistaqsi lis-Sa Vella dwar l-esperjenza tagħha mal-Malta Community Chest Fund.

Is-Sinjura Vella tgħid li kienet esperjenza kompletament differenti milli kienet qed tistenna. Qalet li meta marru l-Ingilterra jiltaqgħu mal-pazjenti. Tirrakkonta kif hi tibqa' tistaqsi lilha nfisha jekk tkunx saret deċiżjoni tajba meta jiddeċiedu lil min se jingħataw il-flus.
Sephora Francalanza
14:34 "Fit-13 ta' Diċembru ma ddejjaqtx insemmiha l-klikka." Qal li kellu diskors kompletament differenti, iżda kellu jibdlu għax is-sitwazzjoni hekk talbet. Qal li kitbu bl-uġigħ u ma kienx ċert hux se jirnexxilu jagħmel id-diskors mingħajr ma jemozzjona ruħu.

Il-President żied jgħid: "Il-klikka jiddefiniha l-qorti. Fatt li hemm klikka, fatt li ġabu l-pajjiż fejn ġabuh."
Sephora Francalanza
14:32 Mistoqsija ta' qarrej: Issuġġerejt lil Muscat jirreżenja minħabba l-protesti, minħabba l-assoċjazzjoni ta' Keith Schembri ma' Yorgen Fenech?

Il-President qal li ma jistax jiżvela diskussjonijiet li saru f'dak il-perjodu. Iżda l-kwistjoni ta' kif iddeċieda l-Prim Ministru sejħilha deċiżjoni tiegħu. Qal li hu ried jaġixxi skont kif kienu mexjin l-affarijiet.
Sephora Francalanza
14:31 Il-President: "Għad hemm numru enormi ta' nies li għandhom rispett lejn Joseph Muscat. U għandhom raġun, għax għamel ħafna."
Sephora Francalanza
14:30 Lil Adrian Delia l-President qallu li kien f'sitwazzjoni diffiċli għax il-Parlament kien magħluq, għax li kieku kellu jressaq vot ta' sfiduċja fil-Parlament, kellu bżonn biss erbgħa jivvutaw kontra biex il-vot jgħaddi.
Sephora Francalanza
14:29 Dwar Joseph Muscat: "Meta ġie biex jagħtini l-awguri tas-sena, ġab xi 22 miegħu. Sinjali li ma ddejqux juruh appoġġ."
Sephora Francalanza
14:27 Sylvana Debono tistaqsi lill-President dwar il-fatt li hu mdorri jmexxi, iżda tistaqsih kellux jiddubita dawk li bdew iwasslulu l-informazzjoni.

Il-President jgħid li ma kienx hemm denunzja li mhix tiġi rikonoxxuta.
Sephora Francalanza
14:26 Il-President jgħid li ma setax joqgħod isemmi ma' min ikkonsulta.
Sephora Francalanza
14:25 Il-President: "Imbagħad għandek il-kuxjenza tiegħek u r-responsabbiltà tiegħek."

Iżda qal li minkejja l-kuxjenza tiegħu u l-fehmiet tiegħu, huwa dejjem ried iżomm mal-Kostituzzjoni.
Sephora Francalanza
14:24 Il-President jgħid li ċ-ċirkostanza primarja li kien qed jistenna biex jintervjeni hi li jkollu informazzjoni soda li l-Prim Ministru m'għadux igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza.
Sephora Francalanza
14:23 "Qatt ma kellna kriżi bħal din qabel" – Il-President

Qal li pprova jqabbel ma' sitwazzjonijiet f'pajjiżi oħra, imma ma taħdimx peress li kollha b'xi kostituzzjoni differenti. Qal li hu jiġi miżmum responsabbli għal dak li tgħid il-Kostituzzjoni.
Sephora Francalanza
14:22 Il-President: "Kien żmien diffiċli fejn trid tieħu deċiżjonijiet li kull deċiżjoni fiha l-piż tagħha… Ma tridx twebbes rasek u ma tagħtix widen lil min jifhem, imma trid tiżen dak li jgħidulek."

Jgħid li anke bħala tabib, imdorri jiżen is-soluzzjonijiet kollha u jagħżel l-inqas li hemm inkwiet fiha.
Sephora Francalanza
14:20 Fr Joe jistaqsi lis-Sa Vella kif għexet iż-żmien diffiċli fil-pajjiż maġenb il-President.

Qalet li dejjem kienet hemm għal żewġha. "Kif aġixxejt qabel, aġixxejt issa. Jekk għandu bżonn jiftaħ qalbu, jien nisimgħu."

Il-President qal li qatta' xi ljieli ma jorqodx bl-inkwiet fil-pajjiż. Is-Sa Vella qalet li kienet imħassba ħafna dwar dan.
Sephora Francalanza
14:18 Il-President semma l-kappella tal-Palazz. Jitħalla s-sagrament espost il-ħin kollu b'deċiżjoni tal-qassis.
Sephora Francalanza
14:17 Fr Joe Borg jistaqsi lill-President mistoqsija li bagħat qarrej ta' Newsbook.com.mt dwar il-bieb ta' wara tal-Palazz, li huwa qal li ilu magħluq sentejn.

Il-President qal li kien waqa' l-ħajt minħabba l-maltemp, iżda meta nbena l-ħajt, huwa vvinta rotta ġdida li jaslu max-xatba u jimxu mal-ħajt sabiex ikun hemm iżjed sigurtà.
Sephora Francalanza
14:14 Il-President u s-Sa Vella jitkellmu fuq l-ikla tal-Ewwel tas-Sena mal-familja għand binthom. Jgħidu li lil dawk li marru għall-quddiesa qalulhom li m'hemmx te u kafè peress li kellhom impenji oħra.
Sephora Francalanza
14:13 Is-Sa Vella tgħid li l-ikel dejjem problema, peress li huma mdorrijin jieħdu ikla waħda ta' kuljum, u ma jiklux ħafna.

Il-President ifaħħar lill-impjegati tal-Palazz, jgħid li huma "taz-zokkor."
Sephora Francalanza
14:12 Jgħid li għandu iżjed privatezza issa milli kellu f'daru fiż-Żejtun, peress li f'darhom kienu jilqgħu lil bosta ħbieb u ġirien.
Sephora Francalanza
14:11 Il-President jgħid li f'Sant'Anton hemm ċertu solitudni, għax ma jistax imur jaħdem fil-ġnien, eċċ. kif kien jagħmel f'daru.
Sephora Francalanza
14:09 Mistoqsijin fuq il-bidliet miż-Żejtun għall-Palazz ta' Sant'Anton, is-Sa Vella tgħid li kienet differenza kbira. Kienu kważi deċiżi li jibqgħu ż-Żejtun u jużaw il-Palazz meta jkun hemm bżonn, iżda dan ma kienx vijabbli.
Sephora Francalanza
14:09 Tibda l-intervista.
Sephora Francalanza
13:59 Jaslu l-President George Vella u s-Sinjura Vella.
Sephora Francalanza

Niddiskutu l-ewwel ftit xhur tal-Presidenza ta’ Dr George Vella, li bla dubju kienet ikkaratterizzata minn bosta ġrajjiet nazzjonali ta’ importanza kbira. Kif għexuha din l-esperjenza? Kif inbidlitilhom ħajjithom? X’viżjoni għandhom għall-bqija tal-Presidenza?

Il-wasla tal-President u s-Sinjura Vella għal intervista fuq Newsbook.Aqra iktar: bit.ly/2RGRjf2

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, January 23, 2020

Din l-intervista sħiħa se tkun qed tixxandar ukoll il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar bejn is-1pm u s-2pm waqt Newshour fuq l-istazzjon tar-radju 103.