Filmat: “Affarijiet tat-tielet dinja”

Coleiro Preca intervistata fuq Newsbook Q&A

Read in English.

Affarijiet bħat-traġedja tal-Ħamrun tat-Tnejn li għadda huma affarijiet li jiġru f’pajjiżi tat-tielet dinja, skont il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

Coleiro Preca qalet dan waqt intervista fuq Newsbook.com.mt. Ġiet intervistata fil-programm Newsbook Q&A. Dan huwa programm ewlieni u ġdid ta’ ġrajjiet kurrenti li se jkun qed jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa u se jkun ippreżentat minn Fr Joe Borg.

Il-President Emeritu tkellmet dwar l-inċident tal-Ħamrun li fih mietet Miriam Pace, omm ta’ 54 sena. Qalet li hemm familja li tilfet memorja kollettiva – id-dar, omm, u hemm raġel li tilef lil martu.

Coleiro Preca ħasset rabja lejn min suppost kien qed jara li l-affarijiet isiru sew.

“Ma nistgħux niġġudikaw imma l-indikazzjonijiet kollha jidhru li kien hemm affarijiet mhux lokhom,” qalet Coleiro Preca. Saħqet li l-istituzzjonijiet iridu jaħdmu u li jekk m’għandhomx biżżejjed riżorsi, dawn iridu jinstabu minn x’imkien.

Madanakollu qalet li ma taqbilx li kulħadd jintefa’ fl-istess keffa.

“Idejjaqni li qisu kull min hu fil-kostruzzjoni kollha machos u bullies,” qalet Coleiro Preca. Qalet ukoll li għamlet il-kuraġġ meta semgħet lill-Prim Ministru Robert Abela jitkellem u jgħid li se jaqbad il-barri minn qrunu.

Il-President tkellmet ukoll dwar il-każijiet l-oħra li fihom ġġarfet id-dar ta’ familji oħra. Ma tistax tifhem għalfejn hemm dan id-dewmien biex issir ġustizzja magħhom. Spjegat li jekk il-ġustizzja ma taħdimx ma jkunx hemm demokrazija sħiħa. Dwar każijiet pendenti qalet li wieħed ma jistax ifieq emozjonalment jekk l-istorja tkun għadha ma ġietx konkluża.

Qalet li l-NSO ħarġet stqarrija b’figuri dwar in-nisa għall-Jum Dinji tan-Nisa. Ikkritikat lill-NSO li minflok kiteb femiċidju kiteb omiċidju. Saħqet li wieħed irid jgħajjat l-affarijiet b’isimhom.

NSO

Tkellmet ukoll dwar il-faqar. Spjegat li hemm familji li filli qed iħallsu €250 għall-kera u bil-kemm ilaħħqu u f’daqqa ntalbu jħallsu sa €700.

“F’daqqa jiġu prattikament m’għandhomx x’jieklu,” qalet Coleiro Preca. Żiedet tgħid li mhux sew min jikber bla qies u min dejjem nieżel. Faħħret lill-NGOs li qed jgħinu lil min ibati. Qalet li kollha qed jaraw żieda fin-nies li qed jitolbu l-għajnuna biex ipoġġu l-ikel fuq il-mejda tagħhom.

Fi kliem il-President Emeritu, il-paga minima ma toħroġx lil dak li jkun mill-faqar. Fakkret li fl-aħħar snin għoliet imma qalet li wieħed ma jistax jgħaddi xahar b’€750.

Tkellmet ukoll dwar il-prostituzzjoni u qalet li hija favur il-mudell nordiku. Dan ifisser li jiġi kkrimanilizzat min jixtri s-sess u mhux min ikun qed ibigħ il-ġisem tiegħu. Coleiro Preca qalet li taf nisa li biex iħallsu l-kera “jmorru mal-irġiel”. Staqsiet jekk inhu xieraq li persuna f’din is-sitwazzjoni għandhiex tintefa’ l-ħabs.

Waqt l-intervista semmiet ukoll ftit mix-xogħol li qed tagħmel bħalissa. Semmiet proġett li bdiet reċentament il-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà (MFWS). Dan il-proġett ipoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tiegħu u dawn jiddiskutu r-reliġjonijiet differenti tagħhom.

Il-Pulizija arrestat mill-ġdid lit-tliet persuni li fil-jiem li għaddew inħelsu fuq police bail. Dawn it-tlieta huma fost is-sitt persuni li ġew arrestati b’rabta mat-traġedja ta’ nhar it-Tnejn li għadda fil-Ħamrun, b’mara ta’ 54 sena titlef ħajjitha taħt it-terrapien.