Filmat: 35 filmat fil-ġimgħa ta’ eżerċizzji fiżiċi online

Read in English.

Dalgħodu tnediet l-inizjattiva BeActive at home fejn mal-35 filmat ta’ eżerċizzju fiżiku għal sport differenti se jibdew jixxandru kull ġimgħa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal li minn dejjem kien hemm il-ħsieb li jsiru programmi online u b’hekk illum, fuq il-paġna ta’ Sport Malta, se jkun hemm diversi filmati minn coaches professjonali. Se jkun hemm ħames filmati dwar oqsma sportivi differenti fis-soċjetà. Se jkun hemm lezzjonijiet live għall-atleti tal-iskola tal-isport.

Spjega li se jkun hemm total ta’ 35 filmat ta’ taħriġ differenti online fil-ġimgħa. Qal li dan il-proġett se jibqa’ għaddej anke wara li jgħaddi ż-żmien tal-imxija tal-coronavirus.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, l-iSport u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima awgura lil Sport Malta li se tgħin sabiex il-poplu Malti jżomm lilu nniffsu attiv fi djarhom. Spjega li minkejja li qed issir enmfasi fuq l-atleti, huwa importanti li persuni inġenerali, inkluż dawk f’etajiet avvanzati, jagħmlu eżerċizzju fiżiku sabiex jiġu evitati problemi marbuta ma’ nuqqas ta’ eżerċizzju.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li din is-sitwazzjoni bla preċedent ma tfissirx li wieħed m’għandux isib l-ħin biex jagħmlu eżerċizzju fiżiku u jibqa’ attiv.