Tnejn fit-tellieqa: Fearne jew Abela għal Mexxej tal-PL

Aġġornat 10:16 AM

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Membru Parlamentari Robert Abela xeħtu n-nomina għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-PL.

“Konrad Mizzi ma jkunx f’kabinett immexxi minni” – Robert Abela

Il-kandidat għal Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li fil-Kabinett tiegħu bħala Prim Ministru, Konrad Mizzi m’għandux post. Huwa qal dan fl-ewwel kummenti lill-midja hekk kif xeħet in-nomina għall-elezzjoni interna tal-Partit Laburista.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Abela qal li huwa entużjast li jkollu lil Joseph Muscat bħala Membru Parlamentari.

Dwar is-sitwazzjoni politika bħalissa f’Malta, Robert Abela qal li hi żbaljata li għandna pajjiż maħmuġ iżda fl-istess waqt stqarr li bħala Prim Ministru huwa jitlob li kull kantuniera tiġi investigata sakemm issir ġustizzja.

Robert Abela qal lil Newsbook.com.mt li ħadem viċin Joseph Muscat għal dawn l-aħħar sentejn u nofs. Qal li sa ġimagħtejn ilu l-Gvern kien qed iwettaq ħidma siewja. Qal li hemm lok li l-governanza tajba tissaħħah u qal li lest jieħu d-deċiżjonijiet ebsin li jridu jittieħdu.

Meta ħabbar li se jikkontesta għal kariga, Abela qal li mhux lest ikun parti minn patt imxajtan.

‘Bżonn governanza u trasparenza aħjar’ – Fearne

Fl-ewwel kummenti tiegħu Chris Fearne qal li jifhem li waħda mill-ewwel doveri ta’ PM ġdid hu li jġib l-għaqda fil-pajjiż u jġib ir-rofrmi li hemm bżonn.

Fearne qal lil Newsbook.com.mt li l-PM Joseph Muscat għamel ħafna tajjeb f’dawn is-seba’ snin imexxi. Qal li tejjeb l-ekonomija u li ġab libertajiet ċivili. Żied jgħid li Muscat biddel ukoll partit f’wieħed rebbieħ.

Skont Fearne l-affarijiet li jridu jsiru aħjar huma l-governanza, it-trasparenza, il-kontabilità, u l-istituzzjonijiet li jridu jissaħħu.

Id-Deputat Prim Ministru sostna li dan huwa mument storiku, mument diffiċli u mument delikat kemm għall-pajjiż kif ukoll għall-Partit Laburista. 

Huwa qal li “dawn huma mumenti li jitolbu kuraġġ u determinazzjoni tal-azzar. Mumenti ta’ maltemp, li ċertament ħadd ma xtaqhom, imma huma wkoll mumenti li trid tiffaċċja mingħajr biża’. Il-maltemp qatt ma bżajt minnu u mhux se nibża’ minnu issa.”  

“Kburi li jien Malti, kburi li jien Laburist,” temm jgħid Fearne.

Il-ġimgħa li għaddiet il-PL kien ħabbar li n-nomini se jinfetħu llum, u jingħalqu fit-8pm tal-llejla. Il-Konferenza Ġenerali se ssir nhar it-Tnejn 6 u t-Tlieta 7 ta’ Jannar 2020.

Intqal li f’każ ta’ iktar minn żewġ kandidati jkun hemm vot fis-7 ta’ Jannar biex l-iktar tnejn li jġibu ammont ta’ voti jgħaddu għall-votazzjoni tal-Kungress.

S’issa ħareġ uffiċjalment li se jkunu d-deputati Chris Fearne u Robert Abela li jikkontestaw. Però kien hemm xi xnigħat fil-mezzi tax-xandir li jaf jitfaċċa kandidat ieħor fit-tellieqa.

Filmati LIVE: Christoph Schwaiger