Filmat: “Gidba sfaċċata li Konrad Mizzi jgħid li ma jafx sid 17 Black”

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa xehdu fil-Qorti dwar il-kumpanija 17 Black.
Quddiem il-Qorti wara li ta x-xhieda tiegħu, Simon Busuttil qal li hija “gidba sfaċċata li l-Ministru Konrad Mizzi jgħid li ma jafx ta’ min hi 17 Black”.
Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa qal li l-unika istituzzjoni li għandhom fiduċja fiha hjija l-Qorti. Sostna li anki l-ġurnalisti kemm lokali u anki internazzjonali qed jagħmlu biċċa xogħol tajba permezz ta’ The Daphne Project.
Kemm Busuttil kif ukoll Casa taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale dwar kawża li fetħu fl-20 ta’ April biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali dwar dak li ġie żvelat minn The Daphne Project u dak li ħareġ mir-rapport tal-FIAU li qiegħed għand Casa.
Il-kawża fil-Qorti tagħmel referenza għall-pagament ta’ $1.6 miljun li tpoġġa f’17 Black, kumpanija f’Dubaj li kien ġie rappurtat li nfetħet biex tagħmel trasferiment tal-flus fil-kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.
Il-verità titla’ f’wiċċ l-ilma – PL
Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li “l-verita’ titla’ f’wiċċ l-ilma”.
Qal li fil-konferenza li għamlu Simon Busuttil, Jason Azzopardi u David Casa, ma ssostanzjawx dak li qalu dwar il-Prim Ministru u qalu li din hija gidba.
Il-Partit Laburista qal ukoll li ħadd ma emmen lil dawn it-tliet deputati Nazzjonalisti sena ilu u ħadd mhu se jemminhom illum.