“Qed insiru skjavi tas-soċjetà tal-konsum” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li l-poplu qed isir skjav tas-soċjetà tal-konsum. 

Dan qalu f'diskors waqt il-business breakfast tal-Partit Nazzjonalista sabiex jiċċelebra Jum il-Ħaddiem.
Fid-diskors spjega li llum il-ġurnata, hawn ħafna persuni li jispiċċaw b’paga ta’ €900 fix-xahar li mhix biżżejjed biex tmantni familja. 
Kompla jgħid li dawn il-familji jispiċċaw jaħdmu mad-90 u 100 siegħa fil-ġimgħa biex forsi jkollhom biżżejjed flus biex jgħajxu lill-familja.
Delia rrimarka li huwa tajjeb li wieħed ikollu opportunità jaqla’ aktar flus, imma dan ma jistax isir għas-skapitu li ma jibqax persuna soċjali. Stqarr li wieħed irid jara li s-soċjetà ma tikbirx biss ekonomikament, imma wkoll fil-kwalità tal-ħajja.
“Ejja ma niffukawx li nġibu lill-ħaddiema minn barra u nitilfu lil uliedna” 
Waħda mill-preokupazzjonijiet ta’ Delia dehret li kienet propju l-edukazzjoni li sostna li hija wisq iffukata fuq l-eżamijiet, il-homeworks, u li tgħabbi lit-tfal b’informazzjoni li sostna mhux se jużaw tul ħajjithom.
Għal din ir-raġuni, Delia kompla jgħid li eventwalment dawn it-tfal se jispiċċaw jitilqu barra minn Malta biex jaħdmu hekk kif f’Malta ma jsibux ix-xogħol li jkollhom bżonn minħabba n-nuqqas ta’ taħriġ li jagħmel sens għalihom u għas-setturi li fihom qed tikber Malta.
Delia semma li sal-elezzjoni li jmiss is-settur privat se jkun qed jimpjega mal-100,000 persuna barranija, li sostna hija propju n-nofs tal-impjegati tas-settur privat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li hemm bżonn li tinbidel id-direzzjoni għall-edukazzjoni tat-tfal, sabiex tiġi f’punt fejn it-tfal jibdew jitgħallmu jaħsbu minnflok jirripproduċu dak li jgħidulhom l-għalliema fil-klassi, informazzjoni li sostna li 90% minnha qatt mhu se jużaw f’ħajjithom.