Filmati u ritratti: Bernard Grech jirbaħ b’69.3%

Aġġornat 08:34 AM

Elezzjoni Kap PN: LIVE mid-Dar Ċentrali f'Tal-Pietà http://bit.ly/ElezzjoniPN

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, October 3, 2020

Read in English.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Charmaine Attard

Dr Bernard Grech rebaħ l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista b’69.3% kontra 30.7% li kiseb Dr Adrian Delia. B’kollox ivvutaw 85% ta’ dawk eleġibbli li jfisser 18,378 tesserat.

Adrian Delia u Bernard Grech ivvutaw fil-lokalità rispettivi tagħhom tul in-nofstanhar ta’ filgħodu. L-elezzjoni f’Għawdex għalqet fis-2pm filwaqt li f’Malta għalqet fl-4pm. L-għadd tal-voti sar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà.


Newsbook.com.mt qed jaġġornakom b’dak kollu li għaddej fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista permezz ta’ dan il-LIVE BLOGG:

00:14 Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN toħroġ stqarrija bir-riżultat uffiċjali. Tgħid li ħarġu jivvutaw numru rekord ta’ tesserati ta’ 18,361, 85% minn total ta’ 21,660. Tikkonferma li Dr Bernard Grech rebaħ din l-elezzjoni b’69.3u% tal-voti mitfugħa u għalhekk ġie ddikjarat Kap tal-PN.

“Ejja naħdmu biex nagħmlu l-PN partit rebbieħ”

23:44 Dr Bernard Grech jindirizza konferenza tal-aħbarijiet u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Dr Grech stqarr li jinsab konvint li l-Partit Nazzjonalista se jissaħħaħ u li minn għada se jibda jaħdem biex il-PN mhux biss ikun Oppożizzjoni f’saħħitha imma anke “ntellgħuh fejn jixraqlu, isir partit rebbieħ”.

Ix-xewqa tiegħi li ma jintilef ħadd, imma nsibu aktar nies” – Grech

23:34 Bernard Grech irringrazzja lil Adrian Delia talli sab il-kuraġġ li joffri l-lealtà sħiħa lejh bħala Kap u offrielu biex minn għada jiltaqgħu u jitkellmu biex jiftehmu kif se jsaħħu lill-partit. Saħaq li x-xewqa tiegħu hi li ma jintilef ħadd u “biex ilkoll flimkien insibu aktar nies li jersqu lejn il-PN”.

Temm jgħid li “flimkien nistgħu naslu” iżda sostna li dan tal-lum mhux il-punt tal-wasla imma l-punt tat-tluq.

“Illum ma rbaħtx jien, ma tilifx Adrian Delia, illum rebaħ il-PN” – Grech

23:26 “Illum ma rbaħtx jien, ma tilifx Adrian Delia. Illum rebaħ il-Partit Nazzjonalista” – Dan kien l-ewwel kliem ta’ Dr Bernard Grech bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Lit-18,000 tesserat irringrazzjahom talli ħarġu jesprimu l-opinjoni demokrtika tagħhom. “Dan hu l-partit tagħkom, tan-Nazzjonalisti, ta’ dawk kollha li jridu li dan il-pajjiż jerġa’ jsir pajjiż normali”, kompla jgħid. Għadda ħsiebu lejn tesserata li vvutat il-ġimgħa li għaddiet, u din il-ġimgħa mietet. Irrefera għall-anzjani li qed imutu bil-pandemija.

23:20 Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Ċensu Galea għamel diskors tal-għeluq tal-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN u introduċa lil Dr Bernard Grech bħala l-kap il-ġdid tal-partit.

23:06 Bernard Grech jasal id-Dar Ċentrali. Jintlaqa’ bil-kant: “Ole, Ole, Nazzjonalisti”:

Bernard Grech jasal fid-Dar Ċentrali f'Tal-Pietàhttp://bit.ly/ElezzjoniPN

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, October 3, 2020

Riżultat uffiċjali:

22:50 Riżultat uffiċjali: Adrian Delia: 5,622; Bernard Grech: 12,633, Invalidi: 77. Dan ifisser li Bernard Grech kiseb 69.3% tal-voti kontra Adrian Delia li kiseb 30.7%.

22:48 Għeluq tal-Konvenzjoni Ġenerali 2020 – Dalwaqt jitħabbar ir-riżultat uffiċjali.

22.36 Ritratti ta’ Miguela Xuereb tal-ħruġ ta’ Adrian Delia mid-Dar Ċentrali:

22.33 Dr Adrian Delia joħroġ mid-Dar Ċentrali:

Adrian Delia joħroġ mid-Dar Ċentrali f'Tal-Pietàhttp://bit.ly/ElezzjoniPN

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, October 3, 2020

21:45 Stennija għall-wasla ta’ Dr Bernard Grech quddiem id-Dar Ċentrali:

Partitarji Nazzjonalisti jinġabru quddiem id-Dar Ċentrali f'Tal-Pietàhttp://bit.ly/ElezzjoniPN

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, October 3, 2020

21:29 Il-Kap Nazzjonalista uxxenti stqarr li hu jemmen li kull struttura għandha timxi b’lealtà. “Dak li ma sibtx jien se noffrih lil ta’ warajja għax nemmen fil-lealtà”, kompla jgħid.

“Ma tliftx, illum rebaħ il-PN” – Delia

21:22 Dr Adrian Delia qal li fi żmien diffiċli għall-pajjiż, il-PN qam għall-okkażjoni u wera li hu partit ħaj. Stqarr li ‘l fuq minn 18,000 persuna għamlu dmirhom u li dan hu turija tad-demokrazija. Dr Delia rringrazzja lill-Kummissarju Elettorali Peter Fenech tal-organizzazzjoni tal-elezzjoni, li sejħilha “flawless”. “Ma tliftx, illum rebaħ il-PN”, żied jgħid Delia, filwaqt li appella biex “nieqfu mit-taqbid intern”. Irrimarka li ċempel lil Bernard Grech u wegħdu l-appoġġ u l-lealtà tiegħu.

21:20 Adrian Delia jikkonċedi t-telfa. Segwi hawn:

Adrian Delia jindirizza konferenza tal-ahbarijiet

Adrian Delia jindirizza konferenza tal-ahbarijiet

Posted by Partit Nazzjonalista on Saturday, October 3, 2020

21:16 Ċifri mhux uffiċjali qed jindikaw li 69% tal-voti marru għal Bernard Grech.

21:08 Il-wasla ta’ Adrian Delia fid-Dar Ċentrali:

21:00 L-ewwel messaġġ ta’ Bernard Grech lill-poplu Malti, kien wieħed emozzjonanti. Huwa qal li “dak li ġara mhux għalih imma għall-partit u għall-pajjiż”. Dan il-messaġġ qed idur fuq il-mezzi soċjali fosthom Whatsapp.

“Jien m’iniex perfett, ħadd mhu perfett. Il-poplu ma jridx perfezzjoni, imma ġenwinità. Iriduna nieħdu ħsiebhom, ngħidulhom il-verità u jirrealizzaw x’inhuma l-bżonnijiet tagħha biex il-PN isir l-għażla naturali”, żied jgħid.

20:46 Briju fl-uffiċċju tal-kampanja elettorali ta’ Dr Bernard Grech:

20:39 Il-ġurnalisti ġew mgħarrfa li Adrian Delia se jiġi d-Dar Ċentrali għal konferenza tal-aħbarijiet fejn se jikkonċedi t-telfa.

20:26 Il-Partit Laburista ħareġ stqarrija fejn qal li reġgħet rebħet l-establishment tal-Partit Nazzjonalista, “l-istess establishment tal-PN tad-dinastiji passati, li l-poplu warrab elezzjoni wara l-oħra mill-2013 ‘l hawn”. Il-PL sostna li “b’Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista se jmur lura għall-politika ta’ kontijiet ogħla, għall-politika migratorja li jidħol kulħadd f’pajjiżna u l-politika tal-kumpless ta’ inferjorità quddiem il-barrani li nbaxxu rasna għal kollox għalih”. Il-PL iddeskriva lil Grech bħala kap bla viżjoni għall-pajjiż.

20:25 Ftit tal-ħin ilu Adrian Delia kiteb fuq Facebook li minn għada stess se jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-PN.

Illum ivvutaw 'il fuq minn 18,000 tesserati tagħna.Kważi 85% ta’ dawk kollha eliġibbli fi żmien diffiċli għal partit u…

Posted by Adrian Delia on Saturday, October 3, 2020

20:15: Bernard Grech jippubblika messaġġ ta’ ringrazzjament fuq Facebook. Jirringrazzja wkoll lil Adrian Delia bħala kollega tiegħu u jgħid li jinsab ċert li anke hu se jibqa’ jagħti sehmu għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.

Grazzi minn qalbi. Illejla flimkien għamilna l-ewwel pass. Pass biex dan il-Partit verament ngħaqqduh, inġedduh u…

Posted by Bernard Grech on Saturday, October 3, 2020

19:55: Newsbook.com.mt jippubblika l-ewwel indikazzjonijiet.

19:45: Jibdew jinfetħu l-pakketti tal-voti u jitpoġġew fil-garżelli ta’ Adrian Delia u Bernard Grech.

19:10: Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech jagħti kumment esklussiv lil Newsbook.com.mt. Jgħid li se jibqa’ jservi f’din il-kariga sakemm ikun irid il-Kap li jiġi elett illejla b’sens ta’ servizz.

18:25: L-andament tal-għadd tal-votazzjoni mil-lenti tal-Partit Nazzjonalista. Il-ġurnalisti ntalbu jsegwu l-proċess minn kamra apposta.

17:40: Il-voti jibdew jitpoġġew wiċċhom ‘l isfel f’pakketti ta’ 50, 50.

17:25: Fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà jibdew jinfetħu s-siġilli tal-kaxxi tal-votazzjoni. B’hekk jingħata bidu għall-proċess tal-għadd tal-voti.

Net TV

17:00: Stħarriġ intern li sar fost it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista jindika li 74% jippreferu lil Bernard Grech milli lil Adrian Delia. Dan l-istħarriġ sar qabel ma bdiet il-votazzjoni l-ġimgħa li għaddiet. Meta wieħed iqis ir-riżultati ta’ stħarriġ ieħor li sar din il-ġimgħa fost it-tesserati li kienu għadhoma ma vvutawx jidher li Bernard Grech baqa’ l-preferut bil-persentaġġ ikun ta’ 66%. 

16:25: Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-midja għal konferenza tal-aħbarijiet fis-7pm. Dak il-ħin tiġi fi tmiemha l-Konvenzjoni Ġenerali.

16:20: It-turnout f’din l-elezzjoni huwa ta’ 85% li jfisser 18,378 tesserat.

16:00: Il-votazzjoni hija magħluqa. Il-postijiet tal-votazzjoni madwar Malta issa jinsabu magħluqa.

14:20: Sas-2pm it-turnout globali fil-postijiet tal-votazzjoni kollha kien ta’ 83%.

14:10: F’Għawdex tagħlaq il-votazzjoni. Il-post tal-votazzjoni f’Għawdex kien fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat. Hawnhekk b’kollox ivvutaw 1,513 mill-1,719 li jfisser 88% tal-votanti eleġibbli.

12:30: It-turnout sa nofsinhar kien ta’ 81%.

Sal-bieraħ ivvutaw 76%
Elezzjoni għal Kap tal-PN: S’issa vvutaw 76% tal-persuni eliġibbli

12:10: Adrian Delia u Bernard Grech għadhom kemm ivvutaw fil-lokalità rispettivi tagħhom hekk kif illum hija l-aħħar ġurnata ta’ votazzjoni fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia vvota fil-każin tal-PN fis-Siġġiewi filwaqt li Bernard Grech ivvota fil-każin tan-Naxxar.

L-elezzjoni tagħlaq fis-2pm f’Għawdex filwaqt li fil-postijiet f’Malta tagħlaq fl-4pm. Wara, il-kaxxi tal-voti jittieħdu lejn id-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà fejn jibda l-għadd tal-voti. Ir-riżultat uffiċjali huwa mistenni għall-ħabta tal-11pm.

Aqra aktar:
Illum jintagħżel min se jkun il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista