Filmat: BirdLife Malta tiftaħ proċeduri legali fil-Qorti kontra l-Gvern

Aġġornat 06:18 PM

Read in English.

LIVE: BirdLife Malta tiftaħ proċeduri legali fil-Qorti kontra l-Gvern

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, April 30, 2020

BirdLife Malta indirizzat konferenza tal-aħbarijiet wara li fetħet proċeduri legali ġodda fil-Qorti kontra l-Gvern Malti. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima u l-Kap Eżekuttiv Mark Sultana.

Il-proċeduri legali fil-Qorti Maltija qed isegwu l-protest ġudizzjarju u l-kwerela li tressqu fil-ġimgħat li għaddew b’rabtamad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-kaċċa u l-insib jitpoġġew taħt il-Ministeru għal Għawdex minflok dak għall-Ambjent.

Fit-22 ta’ April, BirdLife Malta ppreżentat kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jirtira l-liċenzji tal-kaċċa kollha maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex. Intant, aktar kmieni din is-sena, ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti b’rabta mad-deċiżjoni li l-Prim Ministru Robert Abela jpoġġi lil Clint Camilleri, il-Ministru għal Għawdex, bħala regolatur tal-kaċċa. BirdLife Malta spjegat li ħasset il-bżonn li issa tissottometti kwerela minħabba li l-liċenzji tal-kaċċa ħarġu mill-Ministeru għal Għawdex, meta skont il-liġijiet ambjentali ta’ Malta, il-Ministru għal Għawdex m’għandu l-ebda dritt legali biex joħroġ dan id-dokument.

Intant, fit-23 ta’ April, il-Pulizija ħabbret li mhux se tieħu passi ulterjuri dwar il-kwerela tal-BirdLife Malta. Il-Pulizija kienet qalet li analizzat fil-fond il-kontenut tal-kwerela u qieset iċ-ċirkustanzi kollha. Il-Pulizija waslet għall-konklużjoni li m’hemmx lok li jittieħdu passi ulterjuli min-naħa tagħha dwar iċ-ċirkostanzi.

BirdLife Malta tat ukoll rendikont tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena li jagħlaq illum f’nofsinhar. L-għaqda qalet li skont kif antiċipat hi, l-istaġun li suppost kien miftuħ biss għas-Summien, kien karatterizzat minn massakru illegali ta’ Gamiem. BirdLife Malta se tkun qed tispjega l-passi li se tieħu dwar dan fuq livell Ewropew.

Sultana qal li din is-sena kienet żgurament l-agħar sena b’rabta mal-kaċċa illegali u għal din ir-raġuni, BirdLife Malta ma kellha l-ebda għażla ħlief li tieħu azzjoni legali kontra l-gvern Malti fuq livell Ewropew.

Il-President tal-għaqda Darryl Grima qal li qatt ma kienu rċevew xi tip ta’ risposta mill-awtoritajiet u b’hekk qed jieħdu azzjonijiet legali. Qalu li dawn qed jittiħedu wkoll fid-dawl li l-liċenzji tal-kaċċa qed joħorġu mill-Ministeru għal Għawdex meta dan il-Ministeru m’għandu l-ebda dritt taħt il-liġi biex jagħmel dan. Qalu wkoll li jekk ikollha tittieħed azzjoni legali fil-konfront tal-kaċċaturi, mela l-Ministru Clint Camilleri għandu jassumi r-responsabbiltà għax kien hu li ħareġ il-liċenzji.

Grima qal li l-NGO qed titlob li l-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) mill-ġdid terġa’ tibda taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent immexxi minn Aaron Farrugia.

“Il-livell ta’ illegalitajiet fil-kaċċa kien ħafna aktar ogħli mill-2019” – CABS

Il-Committee Agains Bird Slaughter (CABS) qalet li n-nuqqas ta’ superviżjoni tal-kaċċa mill-awtoritajiet kienet evidenti din is-sena hekk kif ġew irreġistrati ħafna iktar illegalitajiet tal-kaċċa mir-Rebbiegħa tal-2019.

Il-Press Officer tal-CABS Axel Hirschfeld ikkonferma li l-ispot-check tal-kaċċaturi li saru mill-ALE kienu tajbin biss biex jivverifikaw jekk il-kaċċatur kellux liċenzja valida u jekk l-arma tan-nar tiegħu kinitx reġistrata. Qal li kieku kien hemm aktar sorveljanza u investigazzjonijiet, l-illegalitajiet li jinqabdu jkunu ħafna aktar u dan iwassal biex eventwalment jonqos in-numru ta’ għasafar li jinqatlu.

Il-CABS qalet li l-voluntiera u l-istaff tagħha f’Malta jużaw metodi ta’ investigazzjoni differenti li skont Hirschfeld wasslu sabiex jinqabdu ħafna aktar illegalitajiet milli taqbad il-Pulizija fl-istess perjodu. Minkejja dan huma faħħru lill-pulizija li rrispondew għar-rapporti tal-illegalitajiet li sabu l-voluntiera u l-istaff tal-CABS.

Il-CABS qalet li qed tissapportja wkoll it-talba sabiex il-Prim Ministru Robert Abela ma jagħtix ir-responsabbiltà tal-Miżieb u l-Aħrax lill-federazzjoni tal-kaċċaturi, l-FKNK. Qalet li dawn il-foresti żgħar, flimkien mal-Buskett, huma fost l-aktar żoni popolari għall-għasafar tal-passa.