Filmat: Moviment fl-FIAU; Ferris fuq il-post; l-FIAU tispjega

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li bħalissa allegatament qed isiru tibdiliet tas-servers tal-IT kollha tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.
Skont sorsi li tkellmu ma' Newsbook.com.mt, allegatament, ħaddiema minn PTL Limited li huma dawk li jipprovdu s-servers lill-kumpanija, ġew interrogati fl-aħħar jiem.
Ġol-uffiċini tal-FIAU, allegatament jidher li hemm uffiċjal tal-Pulizija, kif ukoll vann tal-PTL ipparkjat barra. 
Skont l-allegazzjonijiet, hemm possibilta li llejla, is-servers kollha tal-FIAU se jintfew u jinbidlu kompletament.
Bħalissa għadd ta' ġurnalisti jinsabu quddiem l-uffiċini tal-FIAU.
Mal-madwar instemgħu ukoll xi sireni tal-Pulizija.
Għall-ħabta tad-9:45pm tfaċċa l-eks uffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris li qal li ra l-filmat ta' Newsbook.com.mt u ħass li kellu jiġi. Hu kkonferma li mhix ħaġa normali li l-Pulizija jkunu qegħdin preżenti fl-uffiċini.
Waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti, Ferris sostna li ma jafda lil ħadd wara li tkeċċa mill-aġenzija għax kien qed jagħmel xogħlu. Spjega li huwa mweġġa' u aktar kemm joħorġu affarijiet bħal dawn aktar iweġġa'. 
Mal-ġurnalisti Ferris spjega li fuq is-servers ikun hemm l-informazzjoni kollha li għandha fi ħdanha l-FIAU.
L-FIAU tispjega x'inhu jiġri fi stqarrija
Fl-9:46pm l-FIAU bagħtet stqarrija sabiex tispjega propju x'inhu għaddej bħalissa ġewwa l-uffiċini tagħha kemm lill-pubbliku, kif ukoll lill-midja li għadha preżenti barra l-uffiċini.
Fl-istqarrija, l-FIAU spjegat li bħalissa qed isir upgrade tas-servers bi preparazzjoni għall-implementazzjoni ta' żewġ sistemi tal-IT ġodda li jinkludu Compliance Information System u Financial Analysis System.
Sostnew li d-deċiżjoni li jsir dan l-investiment ittieħdet xhur ilu fejn għadd ta' esperti tekniċi u service providers ġew appuntati sabie xjassistu lill-FIAU fl-implementazzjoni tal-proġett. Qalu wkoll li l-proġett huw kofinanzjat mill-fondi għas-sigurta interna tal-Unjoni Ewropea.
Minkejja li l-ġurnalisti ilhom preżenti quddiem l-uffiċini tal-FIAU propju mit-8pm, ħadd mill-persuni li jinsabu ġewwa l-bini ma ħarġu jispjegaw din ir-raġuni wiċċ imb'wiċċ.