Filmat: Abela ammetta li falla bir-reshuffle – Grech

Attività Politika indirizzata mil-Kap tal-PN

Attività Politika indirizzata mil-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Posted by Bernard Grech on Sunday, November 22, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrealizza li falla u ammetta dan bl-aħħar reshuffle tal-Kabinett, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Hu qal dan hu u jindirizza attività politika fid-Dar Ċentrali. Grech irrifletta fuq il-Kabinett il-ġdid li tħabbar ilbieraħ u kkritika lill-gvern talli fi żmien fejn hawn pandemija globali u inċertezza, għażel li jagħmel reshuffle.

Grech beda d-diskors tiegħu billi fakkar il-memorja ta’ Prof. Oliver Friggieri li miet is-Sibt. Hu mbagħad għadda l-awgurju tiegħu lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne talli kien appuntat bħala speċjalista mal-grupp ta’ mexxejja dinjija fin-Nazzjonijiet Maqgħuda.

Grech kompla billi laqqam ir-reshuffle ta’ Abela bħala “kawlata” u insista li dan kien il-mod li bih Abela ammetta l-inkompetenza tiegħu.

“10 xhur ilu, il-Prim Ministru kien qed jiftaħar li kellu l-ikbar Kabinett fl-istorja tal-pajjiż, issa żvela li għamel żbalji u qed jammetti l-falliment tiegħu,” qal Grech. Hu insista li meta fil-pajjiż kien hawn bżonn ta’ stabbilità, Abela għażel reshuffle.

Abela kien qal li kien se jagħmel reshuffle biss jekk dan ikun ta’ interess nazzjonali. Hu akkuża lill-midja li qajment spekulazzjoni l-ġimgħa li għaddiet, madanakollu ma kienx qal li ma kienx minnu li kien se jsir reshuffle. Dan eventwalment sar nhar is-Sibt.

Grech sostna li r-reshuffle kien attentat ta’ Abela biex jikkalma l-grupp parlamentari u l-Kabinett tiegħu. “Biex iżomm lil kulħadd kuntent, ivvinta ministeri ġodda, u fl-istess ħin kompla jżid l-ispejjeż,” insista Grech.

Il-Kap tal-PN qal li fi żmien meta hemm riskju ta’ kriżi finanzjarja u instabbilità, Abela għażel li japponta il Owen Bonnici bħala Ministru nkarigat bl-istrateġija għal wara l-pandemija. “Bonnici falla bħala Ministru għall-Ġustizzja u bħala Ministru għall-Edukazzjoni. Issa qed ikun fdat bl-istrateġija wara l-pandemija. Wara li falla darbtejn, qed ninkarigawh biex jieħu ħsieb il-futur tagħna?” staqsa Grech.

Hu kompla billi nnota kif Justyne Caruana kienet introdotta mill-ġdid bħala membru tal-Kabinett, minkejja li rriżenjat f’Jannar tal-2020 minħabba konnessjonijiet li kellu r-raġel tagħha mas-suspettat Yorgen Fenech. Hu osserva kif Caruana m’għandhiex bżonn tagħmel ħafna biex tkun aħjar minn ta’ qabilha.

Irrimarka wkoll kif Silvio Parnis tneħħa minn Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, u żied jgħid li issa huwa tard wisq u d-dannu li kellu jsir sar. Grech irrimarka li l-Oppożizzjoni kienet talbet għat-tneħħija ta’ Parnis għal xhur sħaħ. Hu ħeġġeġ lil Abela biex jitlob skuża lin-nazzjon għall-fallimenti ta’ Parnis.

Grech ikkummenta wkoll dwar it-trasferiment ta’ Julia Farrugia Portelli. L-eks Ministru għat-Turiżmu rċeviet kritika qawwija għall-mod kif affaċċjat il-miżuri u d-deċiżjonijiet b’rabta mal-pandemija u l-effetti fuq is-settur. “Ministru li ħasbet li l-mekkaniżmi tagħha se jsolvu kollox billi ġabet parties li l-ebda stat ieħor ma ried,” sostna Grech. Żied li Abela dak iż-żmien kien approva l-passi tagħha.

Grech insista li bħalissa Malta għandha bżonn partit kompetenti fil-Gvern, b’viżjoni għall-pajjiż. Hu osserva li l-PN kien qed jirreġenera lilu nniffsu.