Filmat: Joseph Muscat għandu x’jaħbi – Grech

Aġġornat 02:49 PM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech intervistat minn Dr Andrew Azzopardi. 🇲🇹Segwu l-intervista sħiħa hawn -

Posted by Partit Nazzjonalista on Saturday, October 10, 2020

Read in English.

Il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech insista li l-esk Prim Ministru Joseph Muscat qed jaħbi dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż.

Hu kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Prof. Andrew Azzopardi waqt il-programm Sabiex Nirnexxu. Il-programm ixxandar live fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu.

Grech qal li hu qatt ma sema lil xi ħadd li jkun mgħaddas s’għonqu fil-ħama u jiġi jgħidlek li mhux qed jinten. Sostna li llum kulħadd huwa konvint li Joseph Muscat kellu jieħu deċiżjonijiet aħjar, anke l-Laburisti. Spjega li diversi Ministri li xehdu fil-Qorti fl-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jgħidu li ma jafux x’kien jiġri fil-kitchen cabinett. Insista li jemmen li Joseph Muscat qed jaħbi.

Mistenni jħabbar passi dwar inkjesti pubbliċi

Irrimarka li hemm bżonn li jinfetħu l-inkjesti pubbliċi kollha li hemm bżonn, inkluż dik li talab hu stess dwar l-Electrogas. Spjega li fil-jiem li ġejjin il-pubbliku se jkun qed jisma’ aktar dwar inkjesti pubbliċi.

“Ma tistax tqabbel lil Joseph Muscat ma’ Adrian Delia”

Grech insista li mhux il-każ li Joseph Muscat jitqabbel ma’ Adrian Delia. Sostna li l-korruzzjoni ta’ Muscat hija wisq kbira u rrimarka li Delia ma jistax jitqabbel miegħu. Insista li Delia huwa parti mis-soluzzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Prof. Azzopardi, staqsa għaliex hija problema li jitneħħa Delia wara l-allegazzjonijiet ta’ konverżazzjoni ma’ Yorgen Fenech. Grech qal li hu ma jrid jitlef lil ħadd fil-partit. Insista li s’issa, dak li ħareġ fuq Delia huma biss allegazzjonijiet u jieħu passi skont x’joħroġ fil-futur. Insista li Delia għadu validu fil-partit.

Shadow Cabinet li jinkludi lil kulħadd

Fl-intervista ta’ dalgħodu, Grech tkellem dwar il-libertà tal-Membri Parlamentari li jesprimu ruħhom. Qal iżda li dawn iridu jifhmu li kull min jagħmel parti minn partit jew grupp, mela jkun qed jitkellem ukoll f’isem il-grupp. Insista li kulħadd huwa liberu jitkellem, imma kull ma tgħid persuna għandu piż u dan il-piż irid iwassal għall-ġid u mhux għal aktar problemi.

“Se nkun qed nistieden lin-nies biex jagħmlu d-diskussjoni fid-Dar Ċentrali,” qal Grech. Irrimarka li kien hemm Grupp Parlamentari li kien jagħmel xhur ma jiltaqax. Sostna li fi żmien ġimgħa, il-Grupp Parlamentari diġà ltaqa’ darbtejn.

Sostna wkoll li fiż-żmien li ġej se jkun qed iħabbar ix-shadow cabinett ġdid u se jkun qed jara li jinkludi lil kulħadd.

Dwar is-survey tal-MaltaToday

Huma tkellmu dwar is-survey tal-MaltaToday. Grech qal li kien hemm id-diffikultajiet fil-partit imma s-survey juri li l-affarijiet qed jiċċaqalqu. Qal li ma jfissirx li jemmnu li se jirbħu l-elezzjoni, imma huwa pass ‘il quddiem biex il-Partit ifieq u jimxi ‘l quddiem biex ikun jista’ jikkontesta b’mod aktar f’saħħtu.

“Nixtieq li jibqa’ jkollna dritt ingawdu l-art tal-Miżieb”

Prof. Azzopardi staqsa dwar il-Miżieb u l-kaċċa. Grech qal li f’Malta hawn min iħobb id-delizzju tal-kaċċa, u rridu nirrispettaw dak id-delizzju. Fejn tidħol l-art tal-Miżieb li fl-aħħar jiem ingħatat lill-kaċċaturi, Grech qal li l-mod kif ġie ffirmat il-kuntratt iwassal biss biex il-Gvern iġelled lill-kaċċaturi u n-nassaba u l-pubbliku inġenerali li għandu għal qalbu din l-art.

Spjega li f’intervista li għamel ma’ ġurnal lokali qal li hemm bżonn li kulħadd ikun jista’ jitħalla jgawdi l-art pubblika. Insista li l-art tal-Miżieb hija tliet darbiet ikbar mill-Buskett. Qal li jaf li apparti l-kaċċaturi li jużaw l-art għall-kaċċa, hemm il-pubbliku li kien imur hemm għal xi picnic jew ġurnata mal-familja. Grech qal li hemm bżonn li deċiżjonijiet tat-tip ikun hemm diskussjoni mal-pubbliku.

Semma li l-fatt jibqa’ li din hija art pubblika li għandha titgawda minn kulħadd. “Jiena nixtieq li jibqa’ jkollna dritt li ngawdu din l-art,” Grech.

“Irridu pjan strateġiku”

Grech tkellem ukoll dwar id-dokument tal-pre-budget tal-Partit Nazzjonalist, fejn sostna li hemm bżonn pjan strateġiku biex il-gvern jaħdem fuq pjan strateġiku u mhux iħares lejn il-problemi malli jaslu. Tkellem dwar kif f’Għawdex, ħafna drabi l-impjiegi ġejjin fil-maġġorparti tagħhom mill-Gvern u b’hekk hemm bżonn aktar ħsieb u investiment f’din il-gżira Maltija.

Tkellmu wkoll dwar il-mina li tgħaqqad lil Għawdex u Malta, Grech qal li fl-opinjoni tiegħu bħala Bernard Grech, il-mina se tkun mezz faċli ta’ kif wieħed jaqsam minn Malta għal Għawdex. Madanakollu qal li se jkun qed joħloq konfużjoni f’Għawdex. Sostna li hemm bżonn li l-Gvern jisma’ xi jridu n-nies.

“Il-mara kapaċi tasal bil-ħila tagħha”

Grech sostna li l-mara għandha ħiliet biżżejjed biex tasal għal pożizzjonijiet għolja u fil-politika fil-ħila tagħha. Spjega li hawn ġudikanti nisa li huma mlaħħqin u anke ntagħżlu fl-irwol minn irġiel. Qal iżda li din il-qabża ma saritx ukoll fil-Parlament. Sostna li l-elettorat għandu jivvota lin-nisa għax huma kapaċi. Spjega li sakemm nidħlu f’din il-mentalità hemm bżonn imbuttatura. Hu stieden lil Robert Abela biex l-Abbozz dwar dan li hemm fil-Parlament jinqabel kemm jista’ jkun malajr u qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dwar l-immigrazzjoni

Grech tkellem dwar l-immigrazzjoni u sostna li l-ħaddiema barranin għandhom jitħallsu kif suppost biex ma tinħoloqx kompetizzjoni żejda mal-Maltin. Qal li l-Maltin qed jiġu preġudikati għax hemm xi ħadd minn barra li kapaċi jagħmel l-istess xogħol u kuntent jaħdem għal €3.50.

Grech jikkundanna l-Parlament Ewropew għall-korruzzjoni fil-Bulgarija – PL

Il-Partit Laburista sostna li dalgħodu, flok ċanfar lill-MEPs tiegħu Roberta Metsola u David Casa talli vvutaw kontra l-kundanna lejn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u abbuż fil-Bulgarija, il-Kap Nazzjonalista għażel li jsejjaħ ir-rapport li ġie approvat mill-Parlament Ewropew bħala “superfiċjali”.

Il-PL qal li għal Grech, Metsola u Casa, is-saltna tad-dritt hija importanti biss meta jistgħu jużawha biex isawwtu lil Malta.