Filmat: “Kieku kont Prim Ministru ma kontx nattakka lill-għalliema” – Grech

Intervistat mill-ġurnalist tal-ILLUM u illum.com.mt Yendrick Cioffi.

Intervistat mill-ġurnalist tal-Illum u illum.com.mt Yendrick Cioffi.

Posted by Bernard Grech on Sunday, January 10, 2021

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li kieku hu kien Prim Ministru, ma kienx jattakka lill-għalliema, li jixirqilhom kull rispett. Stqarr li l-Gvern ħa żball għaliex ma ppjanax sew għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel wara l-festi, u l-problema splodiet f’wiċċu, imbagħad ipprova jsolviha billi jattakka lill-għalliema.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu kien intervistat fuq NET TV. L-intervista saret mill-ġurnalist Yendrick Cioffi u ffukat fuq l-ewwel 100 jum ta’ Grech fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.

Grech iddefenda lill-għalliema u qal li dawn, kulma riedu, kienu ftit ġranet online sabiex jevitaw li jkun hemm aktar tixrid tal-coronavirus, imma l-Gvern ċaħħadhom minn dan. Sostna li huwa minnu li t-tfal hu posthom l-iskola, iżda mhux akkost ta’ kollox. Insista fuq il-ħtieġa li jittieħdu l-aħjar miżuri biex it-tfal ma jispiċċawx kwarantina jew jimirdu.

“Nemmen li ladarba tela’ b’voti Laburisti, għandu jkun mal-PL”

Grech ġie mistoqsi fuq Charles Azzopardi, l-eks Sindku tar-Rabat li ħareġ għall-elezzjoni każwali fuq is-seba’ distrett biex jimtela s-siġġu battal tal-eks Ministru Edward Scicluna.

Din il-ġimgħa ġie żvelat li Azzopardi huwa tesserat tal-Partit Nazzjonalista, minkejja li qabel kien Laburist. Huwa ma kienx tħalla jikkonesta l-elezzjoni tal-2019 fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni meta kien sindku. Fuq dil-kwistjoni, Grech qal li ma jridx jaqta’ l-irjus tan-nies fuq sempliċiment allegazzjonijiet. Hawn semma lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u kif il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma ħax azzjoni minkejja l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha.

Mistoqsi jekk iħallix lil Azzopardi jingħaqad mal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jekk dan jiġi elett, Grech qal li jemmen li jekk persuna tkun ġiet eletta bil-voti tal-Laburisti, għandha tkun mal-Partit Laburista. Madankollu, jekk ma jkunx komdu jagħmel dan, Azzopardi jista’ jpoġġi man-naħa indipendenti. Stqarr li m’għandu l-ebda problema li Azzopardi, kieku, ikun parti mill-Oppożizzjoni bħalma huma Godfrey u Marlene Farrugia.

“Se nbiddel kull fejn jidhirli li hemm bżonn jitbiddel”

Dwar l-istħarriġ ippubblikat mill-MaltaToday dalgħodu li juri li d-distakk bejn il-partiti naqas u li Bernard Grech kiseb aktar fiduċja, Grech qal li ċ-ċifri huma inkoraġġanti, u li hu fiduċjuż li l-poplu Malti jagħmel l-aħjar għażla ladarba tasal l-elezzjoni. Stqarr li l-Partit Nazzjonalista għamel ħafna bidliet li ma jidhrux tul l-aħħar 100 jum, minn meta hu laħaq Kap. Wera sodisfazzjon bil-fatt li l-PN qed iżid fil-parteċipazzjoni tan-nies, qed jinvolvi ħafna nies ġodda u jilqa’ lura lil persuni li telqu mill-partit snin ilu.

Il-Kap Nazzjonalista qal li anke jekk ma nbidlux il-persuni ta’ fuq nett li jidhru, xorta waħda saru avvanzi, imma ammetta li baqa’ tibdil fundamentali xi jsir. Insista fuq il-fatt li hu qed jistudja s-sitwazzjoni qabel ma jagħmel tibdiliet kbar, inkluż fix-Shadow Cabinet. “Se nbiddel kull fejn jidhirli li hemm bżonn jitbiddel. Irrid partit riġenerat, b’ideat friski u aktar żgħażagħ,” qal Grech.

“Ma nistgħux nippretendu li llum nagħlqu l-istazzjonijiet pubbliċi”

Lovin Malta qed tieħu proċeduri li jistgħu iwasslu sabiex il-Qorti tiddeċiedi fuq id-destin tal-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista.

Mistoqsi dwar dan, Grech qal li l-ideal ikun li ma jkunx hemm bżonn ta’ dawn l-istazzjonijiet biex il-partiti jwasslu l-messaġġ tagħhom, għax il-PBS juri imparzjalità u jagħti opportunità lil kulħadd, iżda r-realtà mhix hekk. Qal li bħalissa għad hemm bżonn dawn l-istazzjonijiet għax huma l-portavuċi tal-partit, u hu jrid isaħħaħ lil NET TV u NET FM.

Żied jgħid li ’l quddiem, il-gazzetti tal-PN se jmorru online, u l-PN qed jaħdem biex iżid il-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali.

Apparti hekk, dwar l-elezzjoni ġenerali li riesqa, Bernard Grech qal li hu diġà semma numru ta’ proposti.

Fl-intervista, Grech intalab jagħti spjega tal-pożizzjoni tiegħu fuq l-għotja ta’ nofs miljun ewro minn Catco Group lid-Dar tal-Providenza, bl-eks Kap tal-PN Adrian Delia bħala intermedjarju.

Huwa qal li talab spjegazzjoni mingħand Delia, u dan qallu li xtaq li jsir il-ġdid, u kienet din ix-xewqa li xprunatu biex jagħmel dan l-att. Madankollu, Grech ammetta, “Kien ikun aħjar kieku infurmani qabel.”