Filmat: Bernard Grech iħabbar l-ewwel deċiżjonijiet bħala Kap tal-PN

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar l-ewwel deċiżjonijiet bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fosthom it-twaqqif ta’ Bord Editorjali għall-midja tal-Partit Nazzjonalista, stedina lill-Grupp Parlamentari biex jiltaqa’ llum stess u t-tnedija ta’ Talent Hub għal kull min irid jgħin volontarjament lill-PN.

Grech ġie elett Kap tal-PN ilbieraħ filgħaxija b’aktar minn 69% tal-voti tat-tesserati wara elezzjoni li damet għaddejja ġimgħa fil-każijiet tal-Partit Nazzjonalista.

Il-messaġġ ta’ Bernard Grech ixxandar dalgħodu fuq Net TV u fih ġie elenkat il-pjan għall-jiem li ġejjin li fuqu Bernard Grech irid jimxi.

X’kienu l-ewwel deċiżjonijiet ta’ Bernard Grech?

  • Jitwaqqaf Bord Editorjali biex il-messaġġ tal-Partit ikun wieħed fuq il-pjattaformi kollha
  • Stedina lill-Grupp Parlamentari biex jiltaqa’ llum informalment u għada tibda l-ħidma parlamentari
  • Dokument ta’ qabel il-baġit se jkun l-ewwel fuq l-aġenda tal-Grupp Parlamentari
  • Għada jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv biex titfassal il-ħidma
  • Prijorità għaż-żjarat lin-nies
  • Tnedija Talent Hub biex kulħadd jikkontribwixxi b’mod volontarju
  • Forum għall-ekonomija, turiżmu u finanzi. Grech qal li ħadd waħdu m’għandu soluzzjoni għal kollox u għalhekk hemm bżonn ta’ dan il-forum biex l-assessjar isir b’mod oġġettiv u mhux partiġjan.
  • Konferenza Nazzjonali dwar il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni li permezz tagħha ssir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni biex jitħejjew il-bażi għall-proposti nazzjonali.
  • Immedjatament se jiltaqa’ mal-kelliema tal-PN dwar is-saħħa u l-edukazzjoni għall-ħidma kontra l-imxija tal-pandemija.
  • Stedina liż-żgħażagħ student u nisa biex jidħlu bħala kandidati ġodda tal-PN permezz tal-Fondazzjoni AŻAD.
  • Se jressaq proposta fil-Grupp Parlamentari biex il-Parlament jiddiskutu mozzjoni biex titwaqqaf Inkjesta Pubblika indipendenti dwar il-kuntratt tal-Power Station tal-Electrogas.

Huwa rringrazzja lid-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo li dalgħodu ħabbar li se jirriżenja mill-Parlament biex is-siġġu tiegħu jiġi vakat għall-Kap il-ġdid. B’hekk iwitti t-triq biex Grech jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni minflok Adrian Delia.

Bernard Grech ħabbar li l-Ħadd li ġej il-PN se jorganizza Maratona ta’ Ġbir ta’ Fondi u fl-istess waqt jitlob għal rapport dettaljat dwar is-sitwazzjoni finanzjarja.