Filmat: “Għalkemm ġejna kkritikati, importanti li nanalizzaw il-baġit” – Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-Oppożizzjoni għandha d-dmir lejn il-pubbliku u l-Kostituzzjoni li tiskrutinizza l-baġit hekk kif imħabbar mill-gvern nhar it-Tnejn li għadda.

Waqt li pparteċipa f’diskussjoni televiżiva fuq Net TV immexxija minn Josianne Camilleri, Grech spjega li għalkemm xi sezzjonijiet tas-soċjetà qiesu r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għall-baġit finanzjarju tal-gvern bħala “negattiva” iżda saħaq li kien importanti li l-baġit jiġi analizzat kollu kemm hu.

Il-pandemija tal-Covid-19 sabet numru ta’ pajjiżi mħux preparati. Grech stqarr li l-Gvern ħa azzjonijiet f’waqthom fejn għandha x’taqsam l-ekonomija tal-pajjiż, iżda ma ppreżentax pjan fit-tul għall-futur. Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li bejn l-ewwel mewġa u t-tieni mewġa, l-Gvern kellu biżżejjed ħin biex jaħdem fuq pjan immedjat u pjan fit-tul.

F’metafora li uża Grech, qal li hu insinnifikanti tagħti l-persuna ħuta iżda ma ttihiex il-possibilità biex tistad. Huwa kompla jgħid li bejn Marzu u Mejju kien tajjeb li tagħti l-ħuta, iżda bħalissa wasal iż-żmien biex tagħti l-apparat biex in-nies imorru jistadu huma.

Grech spjega li l-gvern sab ruħu fis-sitwazzjoni mħux mistennija u rnexxilu jkompli jmexxi iżda issa wasal iż-żmien għal pjan fit-tul fejn hemm bżonn. Argumenta li l-perjodu ta’ wara l-ewwel mewġa kien iż-żmien li jipprepara għall-futur u kif ukoll għall-possibilita ta’ pandemija fil-futur. Hu kompla jgħid li viżjoni għall-futur hi bżonnjua.

Għada filgħaxija Grech mistenni jitkellem fil-Parlament u jagħmel dik li tissejjaħ replika tal-baġit.

Mal-Kap Nazzjonalista jiddiskutu l-baġit kien hemm il-Professur Maria Attard, Graham Bencini, kunsilliera tas-Siġġiewi Francine Farrugia u l-preżentatur Sergio Mallia.