Filmat: Abela sar kompliċi fil-ħabi tal-ħniżrijiet meta rrifjuta inkjesta pubblika fuq l-Electrogas – Grech

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech reġa’ saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hawn inkjesta pubblika fuq il-ftehim tal-Electrogas. Qal li meta l-Prim Ministru Robert Abela rrifjuta li tinfetaħ din l-inkjesta, huwa sar “kompliċi fil-ħabi tal-ħniżrijiet imwettqa minn Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.”

Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar li l-Oppożizzjoni talbet formalment biex ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Electrogas jiġi diskuss fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi. Qal li permezz ta’ dan, huwa qed iwettaq il-wegħda tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi li ma jiqafx biss mat-talba għal inkjesta pubblika, li ġiet rifjutata mill-Gvern.

Spjega li, “Dakinhar Robert Abela kellu ċ-ċans li jiddiżassoċja ruħu mill-ħmieġ tal-predeċessur tiegħu, iżda din it-talba ġiet irrifjutata u bl-aġir tiegħu Robert Abela sar kompliċi fil-ħabi tal-ħniżrijiet imwettqa minn Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.” Semma kif meta l-Oppożizzjoni kienet talbet kopja tal-kuntratti involuti, il-Gvern kien preżentahom mgħottijin bl-iswed.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-sens ta’ impunità li daħħal il-Gvern, u s-sens tax-xejn mhu xejn, huwa rifless bl-akbar mod f’dan il-kuntratt, li kulma jmur dejjem qegħdin insiru nafu aktar ħniżrijiet dwaru u Robert Abela jippreferi li jkompli bl-attitudni tal-predeċessur tiegħu u minflok jinvestigah, qed ikompli jfarfar taħt it-tapit. Kien għalhekk li Grech ħass il-ħtieġa jitlob liċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi Beppe Fenech Adami biex titressaq din it-talba sabiex min żbalja joħroġ fid-dieher.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Karol Aquilina, iċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi Beppe Fenech Adami u l-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN Robert Cutajar.