Filmat: “Konrad Mizzi darba kien star candidate; illum jistħi minnu nnifsu” – Grech

Nissaħħu Flimkien - Attività Politika f'Għajnsielem

Nissaħħu Flimkien - Attività Politika f'Għajnsielem

Posted by Bernard Grech on Sunday, November 29, 2020

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Konrad Mizzi darba kien star candidate imma llum spiċċa jistħi minnu nnifsu. Dan qalu b’referenza għax-xhieda ta’ Konrad Mizzi fil-qorti din il-ġimgħa, li fiha Mizzi ma wieġeb prattikament xejn minħabba l-inkjesti pendenti dwaru.

Fid-diskors politiku tiegħu tal-lum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm viżjoni fit-tul, u mhux pjan iltim ta’ ħames snin jew ta’ ftit ġimgħat. Huwa kien qed jitkellem fil-Grand Hotel fl-Imġarr, Għawdex. Qablu tkellmu Janice Chetcuti u Graham Bencini, li huma kandidati fuq it-tielet, u d-disa’ u l-għaxar distrett, rispettivament.

“L-Isqof Għawdxi diġà seraq qalb in-nies”

Dr Grech qal li l-poplu Għawdxi għandu xi ħaġa speċjali, li jilqgħak u jħallik issir parti minnu. Huwa sellem lil politiċi Għawdxin li jammira: fosthom kien hemm Frederick Azzopardi, id-Deputat tal-PN li miet ftit ilu, lil eks deputati Għawdxin, lid-Deputat ġdid Joe Ellis, lil Chris Said u Kevin Cutajar, kif ukoll lil Anton Tabone u Giovanna Debono li qal li isimhom biss huwa statement fih innifsu.

Huwa sellem ukoll lill-Kardinal il-ġdid Mario Grech, u stqarr li din il-ħatra tagħmel unur lilu u lil Malta u Għawdex kollha. Peress li dan kien l-ewwel diskors tiegħu bħala Kap fil-gżira Għawdxija, sellem ukoll lill-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u sejjaħlu persuna “umli” u “tan-nies,” li diġà seraq qalb in-nies u qed jagħti wiċċ ġdid u opportunità ġdida lill-Knisja f’Għawdex u f’Malta.

“Ħtieġa li Għawdex joqgħod fuq saqajh, mingħajr Malta”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma kif Għawdex jitqies “il-misluta ta’ Malta.” Stqarr li filwaqt li hu minnu li l-misluta ssebbaħ il-wiċċ, huwa jixtieq lil Għawdex ikun sabiħ, tajjeb u kapaċi fuq il-ħiliet tiegħu stess, u jkun jista’ jżomm fuq saqajh stess, mingħajr il-ħtieġa ta’ Malta.

Tkellem fuq kif Għawdex jiddependi wisq fuq it-turiżmu, u mbagħad meta tinqala’ problema kbira, bħalma hi l-pandemija, jieħdu daqqa ħafna akbar. Sostna li l-pjan ma jistax ikun wieħed iltim ta’ ftit ġimgħat jew ta’ ħames snin, imma jeħtieġ li jkun hemm pjan fit-tul, li jħares lil hinn mill-interessi politiċi partiġġjani, u l-interessi tan-nies li huma qrib il-politiċi.

Qal ukoll li Gvern Nazzjonalista kieku jagħmel referendum biex jara jekk l-Għawdxin iridux mina bejn iż-żewġ gżejjer. Huwa semma kif 3,500 Għawdxi jaqsmu l-fliegu ta’ kuljum, numru li kważi ttrippla mill-1,500 fis-snin li għaddew, minkejja l-wegħda tal-Gvern li jinħolqu aktar xogħlijiet f’Għawdex.

“Ġabuna f’din is-sitwazzjoni għax kellhom interessi personali biss”

Hawn irrefera għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat u għall-eks Ministru Konrad Mizzi, u qal li Muscat illum jistħi juri wiċċu, filwaqt li Mizzi jistħi minnu nnifsu. Fuq Mizzi qal li dan darba kien jgħajjar “Shame on you” fil-Parlament lil dak li kien Kap tal-PN dak iż-żmien, Simon Busuttil, u llum, “he is ashamed of himself.”

“Ġabuna f’din is-sitwazzjoni għax kienu politiċi b’interessi personali biss, u tal-ftit ta’ madwarhom,” ikkonkluda Grech.

“Iħossu l-PN jikber f’Għawdex, allura għamlu 3 Ministri Għawdxin”

Fuq is-sitwazzjoni politika f’Għawdex, Grech qal ukoll li hu ċar li s-sitwazzjoni hi differenti minn dik li jpinġi l-Gvern. Semma kif f’seba’ snin, inbidel il-Ministru għal Għawdex tliet darbiet, u dan juri instabbiltà, għax il-Ministru jew jegħja nofs triq, jew jitlef l-ideat li forsi kellu. “Illum qed iħossu li l-PN qed jikber f’Għawdex u allura għamlu tliet Ministri Għawdxin,” qal Grech b’referenza għall-Ministri Clint Camilleri, Justyne Caruana u Anton Refalo. Madankollu, hu wera tama bil-kliem li n-nies tagħżel bil-għaqal, għax taf li mal-PN, Għawdex dejjem mexa ‘l quddiem.

Il-Kap tal-PN ħabbar li se jinkariga Kumitat Reġjonali tal-Partit f’Għawdex, sabiex b’kollaborazzjoni mad-deputati Għawdxin, u bis-sehem ta’ esperti, fi żmien ftit xhur ilestu pjan soċjoekonomiku għal Għawdex.

Dan il-pjan hu maħsub li jieħu ritratt illum u jippjana għal kif se tiżviluppa din is-soċjetà fis-snin li ġejjin. Huwa wkoll pjan li għandu jservi bħala bażi għat-tiġdid tal-politika tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.

Id-diskors politiku tal-Ħadd li għadda
Filmat: Abela ammetta li falla bir-reshuffle – Grech