Filmat: “Issa Becs qed tiżfen għall-ġenna” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li issa Rebecca qed tiżfen għall-ġenna, u se tibqa’ mfakkra għar-reżiljenza tagħha, għall-kuraġġ, għall-istamina li kellha, u fuq kollox, għat-tbissima tagħha.

Dan kien kliem l-Arċisqof fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa tal-funeral ta’ Rebecca Zammit Lupi, jew Becs kif kienet magħrufa ma’ dawk qrib tagħha, tfajla ta’ 15-il sena li nhar il-Ħadd li għadda tilfet il-battalja tagħha kontra l-kanċer.

Mons. Scicluna beda l-omelija billi ħa spunt minn isem Rebecca, li jfisser persuna ta’ sbuħija li ssaħħar, u stqarr li waqt li kienet għaddejja minn dik it-tbatija kollha, Rebecca rnexxielha ssaħħar lin-nies warajha, bl-imħabba tagħha lejn il-ħajja u bit-tbissima sabiħa tagħha.

Huwa spjega kif il-Mulej qed jilqagħha fi stat ta’ żgħożija eterna, żgħożija li fil-ġenna, ma tafx mewt u tbatija jew dmugħ. Qal li l-Mulej qed jilqa’ lil Becs għandu u jgħid lil familtha biex jafdawha miegħu, għax hu s-Salvatur tagħha, u se jħaddanha miegħu, hi u tlebbet lejn il-ġenna biż-żifna tagħha.

Rebecca Zammit Lupi
Ritratt fl-isfond: Miguela Xuere

L-Arċisqof irrifletta wkoll fuq il-misteru tal-mewt ta’ persuna hekk żgħira wara marda daqshekk kerha, iżda qal li dawn huma l-mumenti meta l-fidi verament tiġi ttestjata, meta l-imħabba donnha tkun imbiegħda, u tkun tista’ tiġi espressa biss bin-niket. Huwa wera x-xewqa li Alla jittrasforma l-fidi tagħna f’waħda aktar b’saħħitha, li t-tama jqarribha lejna u li mħabbitna jagħmilha waħda mimlija ferħ.

Kompla billi ddiskuta s-silta magħżula mill-familja ta’ Rebecca għat-Tieni Qari, li fiha San Pawl qed jikteb lil Timotju bħala raġel imdaħħal fiż-żmien, u jgħid li ġera t-tellieqa sal-aħħar, baqa’ jiġġieled sat-tmiem, u tul dan kollu, żamm il-fidi. L-Arċisqof qal li dan il-kliem huwa xieraq għal Becs ukoll, għax hi wkoll ġriet it-tellieqa sal-aħħar u baqgħet tiġġieled sal-aħħar nifs tagħha, u tul dan kollu, żammet il-fidi, u fuq kollox, it-tbissima fuq fommha.

“Nitolbu għaliha sabiex tiżfen sal-ġenna fit-tgħanniqa ta’ Alla, li jibqa’ jgħidilha l-kliem tal-Profeta Iżaaija: inti prezzjuża f’għajnejja, la tibżax għax jiena miegħek, inti miegħi, jien is-Salvatur tiegħek, inħobbok.”

L-aħħar tislima lil Becs

L-aħħar tislima lil Rebecca Zammit Lupi, it-tfajla li mietet fl-aħħar jiem

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, January 5, 2021

Rebecca kellha forma rari u aggressiva ta’ kanċer fl-għadam, imsejħa Ewing’s Sarcoma. Instab li kellha kanċer aktar minn sena ilu.

Missierha huwa l-fotografu magħruf Darrin Zammit Lupi, li ddokumenta l-battalja tagħha kontra l-kanċer. F’Settembru, huwa kiteb artiklu fuq Reuters dwar din il-battalja waqt il-pandemija.

Poeżija dwar Rebecca
Grazzi Rebecca!