Assassinju Daphne: Jixhed raġel “b’rabtiet importanti mal-każ”

13:01 Il-każ se jkompli jinstema' fit-12 ta' April fid-9:30am.
13:00 Il-Qorti tordna li d-direttur tal-ħabs jiġi nfurmat b'dan.
12:57 L-avukati tad-difiża qablu li m'għandhomx oġġezzjoni li l-imputati jiltaqgħu flimkien anke jekk mhux fil-preżenza tal-avukat rispettiv tagħhom. Il-Prosekuzzjoni ma topponix it-talba sakemm ma jkunx hemm xi raġuni valida mid-direttur tal-ħabs.
12:54 Id-difiża tgħid li ma tħallewx jitkellmu mal-akkużati flimkien fil-ħabs.
12:51 Aquilina jgħid li ra membri tas-CPD jitfu l-karozza tal-ġurnalista assassinata.
12:49 Jibda jixhed Simon Aquilina li huwa suldat mat-taqsima tal-isplussivi. Skont il-Prosekuzzjoni, dan għandu jkun l-aħħar xhud għal-lum.
12:44 Jixhed Joseph Bondin li jaħdem mat-taqsima tal-isplussivi tal-Forzi Armati. Qal li stabbilew li ma kienx hemm aktar splussivi fiż-żona. Spjega li baqa' għassa fuq il-post sal-għada filgħodu.
12:42 Skont is-suldat, espert barrani qasam iż-żona f'diversi biċċiet. Qal li kien Olandiż. Qal li l-uffiċjali Maltin imbagħad bdew ifittxu f'dawn iż-żoni.
12:40 Is-suldat qal li baqa' għassa matul il-lejl. Ingħataw struzzjonijiet biex ma jmissu xejn peress li kienu ġejjin esperti barranin.
12:35 Jixhed suldat mit-taqsima tal-isplussivi. Jgħid li meta wasal fuq il-post ra karozza taqbad u membri tas-CPD. Qal li kien hemm ħafna pulizija. Qal li ra li ż-żona kienet sigura u beda jiċċekkja jekk kienx fadal xi splussiv li kienu għadu ma ħax.
12:33 Jgħid li tefa xi ħaxix li kien qed jaqbad.
12:31 Jgħid li s-suldati li kienu fuq il-post qalulu biex ma tantx juża' ilma biex l-evidenza tibqa' preżervata.
12:29 Jixhed membru ieħor mis-CPD li wasal fuq il-post u ra li kien hemm diġà nies jaħdmu biex jitfu l-vettura. Qal li lemaħ duħħan aktar 'il fuq u mar biex jinvestiga d-duħħan li ra. Qal li tefa xi ħaxix li kien hemm ħdejn it-triq.
12:27 Iżid jgħid li fid-19 ta' Ottubru reġa' ntbagħat fuq il-post biex inaddaf iż-żona wara nofsinhar.
12:25 Jixhed membru mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kien tefa xi ħaxix dakinhar tal-isplużjoni.
12:17 Jixhed Pulizija li kien assissta f'xi tfittxijiet li saru. Qal li mill-Imsida ġie elevat mowbajl.
12:10 Il-każ ikompli jinstema'
11:44 Il-Maġistrat tiddikjara pawża qasira ta' ħames minuti.
11:33 L-avukati tad-difiża jistaqsu jekk kienx inħareġ mandat biex isir dan. Wieġeb li kien hemm mandat biex tiġi spezzjonata kull propjetà, bħal vetturi, ta' Vince Muscat.
11:30 Jixhed Pulizija ieħor mill-iskwadra tad-droga li kien intbagħat għassa ma' karozza fi Triq ix-Xatt tal-Imsida, fl-Imsida. Qal li waslu għall-ħabta tat-08:00am. Qal li filgħaxija għall-ħabta tas-6:30pm ġew numru ta' pulizija flimkien ma' Vincent Muscat. Qal li l-karozza mbagħad ittieħdet lejn id-Depot tal-Pulizija.
11:20 Jixhed pulizija mill-iskwadra tad-droga. Qal li fl-4 ta' Diċembru saru xi tfittxijiet tar-residenza tal-partner ta' Miguel Caruana f'Ħaż-Żabbar. Qal li nstabu ħafna mowbajls u apparat fotografiku. Qal li dawn l-oġġetti nġabru mit-taqsima tal-forensika. Miguel Caruana huwa l-impjegat tal-GO li kien bagħat numru ta' top-up voucher tal-mowbajl lil George Degiorgio.
11:13 Tixhed infermiera li kienet intbagħtet fuq il-post tal-isplużjoni. Qalet li t-tabib Spiteri qalilhom li ma kienx hemm sinjali ta' ħajja u li ma resqitx lejn il-karozza.
11:05 Jixhed tabib Dr Michael Spiteri li kien minn tal-ewwel fuq il-post. Qal li meta wasal il-Bidnija ra l-karozza tal-ġurnalista taqbad. Qal li kien ċar li kieku kien hemm xi ħadd fiha, ma kienx ikun hemm tama għalihom. Meta seta' jersaq aktar qrib il-karozza, huwa kkonferma li l-ġurnalista kienet mietet fuq il-post fit-3:30pm tas-16 ta' Ottubru.
10:58 Qal li xogħlu kien li jara fejn kienu l-kameras tas-sigurtà. Qal ukoll li mbagħad ra l-filmati tal-kameras. Qal li marru lura tliet ijiem f'termini tal-filmati li osservaw. Qal li kien hemm madwar għaxar djar li tagħhom raw il-filmati tal-kameras.
10:53 Jixhed Pulizija li qal li kien sab filter ta' sigarett f'post indikat lilu minn raġel li kien ra xi karozza tal-kiri fil-ġimgħat ta' qabel qrib il-post tal-isplużjoni.
10:40 Jixhed raġel mill-Albanija li huwa dak li fetaħ il-garaxx tiegħu meta ċ-ċavetta tal-karozza tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet ġiet impustata ħażin.
10:25 Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-prosekuzzjoni. Skont il-prosekuzzjoni dan ir-raġel għandu xi konnessjoni importanti mal-każ. Madanakollu, ma daħlux f'aktar dettall.
10:22 L-Għawdxi qal li f'Ottubru, Degiorgio kiteb ismu bħala "Roger" fil-mowbajl tiegħu. Qal li ma jiftakarx x'kien in-numru. 
10:20 Jixhed raġel li ltaqa' ma' Alfred Degiorgio f'lukanda f'Għawdex f'Novembru tal-2017. Ir-raġel, li huwa minn Għawdex, qal li ltaqa' ma Degiorgio fil-25 ta' Ottubru 2017. Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex isem l-Għawdxi u l-post tax-xogħol tiegħu ma jiġux ippublikati.
10:15 Jgħid li avviċinah it-tifel tal-ġurnalista Matthew Caruana Galizia li akkużah li ħa xi ritratti. Qal li wera l-mowbajl tiegħu lil uffiċjal tal-pulizija li vverifika li ma kienx ħa ritratti tal-inċident. Żied jgħid li mbagħad ta l-mowbajl lil Caruana Galizia li mbagħad sabbtu mal-art. Vella qal li mbagħad ġew fl-idejn. Qal li "ma ġara xejn kbir".
10:12 Jixhed Mario Vella li joqgħod il-Bidnija. Jgħid li ġie infurmat li kien seħħ xi inċident fil-Bidnija għall-ħabta tat-3pm. Qal li meta wasal fuq il-post ra erba' uffiċjali tal-pulizija u l-karozza fl-għalqa.
09:59 Il-Pulizija jgħid li t-tfittxija tal-appartament saret minn uffiċjal tas-CID. Qal li Alfred Degiorgio kien preżenti għat-tfittxijiet.
09:50 Jixhed Pulizija ieħor mill-iskwadra tad-droga li qal li fl-4 ta' Diċembru 2017 intalab jagħlaq iż-żona qrib appartament fi Triq it-Tonn f'San Pawl il-Baħar. Qal li dan l-appartament kien ta' Alfred Degiorgio. Qal li ġie elevat xi apparat elettroniku u €4800 fi flus kontanti. Qal li kien responsabbli taż-żona barra qabel ma waslu membri tas-CID.
09:48 Jixhed Pulizija li kien fuq il-post dakinhar tal-assassinju. Jikkonferma li ra karozza taqbad.
09:43 Jidħlu l-akkużati
09:37 Il-membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata, l-avukati, u l-ġurnalisti jinsabu preżenti fl-awla.
Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio magħruf bħala "il-Fulu", ħuh George Degiorgio "ċ-Ċiniż" u Vince Muscat "il-Koħħu".