Assassinju Daphne: Il-Qorti minuta b’minuta

17:38: F'rikors, George Degiorgio jgħid li qed jinżamm il-ħabs f'kundizzjonijiet ħżiena, bl-avukat tiegħu jgħid li qed ikollu jorqod fuq saqqu mal-art. Il-Qorti tordna li dwar dan għada jitla' jixhed id-Direttur tal-Ħabs.
17:34: Għal-lum il-kumpilazzjoni tieqaf hawn. L-Ispettur Arnaud mistenni jkompli jixhed għada. Għada l-kumpilazzjoni mistennija tibda fl-10:00am u tkompli waranofsinhar. Seduti oħra skedati għall-Ħamis u l-Ġimgħa.
17:30: L-Investigaturi talbu filmati minn CCTVs tal-Port il-Kbir biex jaraw jilmħux xi waħda minn dawn id-dgħajjes u lemħu d-dgħajsa ta' Alfred Degiorgio li kienet ħierġa mill-port fit-8am dakinhar tal-assassinju. L-istess dgħajsa dehret dieħla lura fis-2:50pm.
17:24: L-Ispettur jispjega kif il-Pulizija kellha suspett li George Degiorgio kien qed juża dawn in-numri u spjega kif l-investigaturi talbu għall-call logs taż-żewġ akkużati l-oħra u skoprew li ż-żewġ aħwa Degiorgio kellhom id-dgħajjes tagħhom.
17:22: L-ismijiet ta' dawk li ċempel Degiorgio ma jistgħux jixxandru fuq ordni tal-Qorti.
17:21: Dakinhar tal-assassinju, fit-8:30am, George Degiorgio kien ċempel jistaqsi lil terza persuna biex tittoppjalu l-mowbajl. Dan ma setax. Degiorgio ċempel persuna oħra u talabha tittoppjalu €5. Taha n-numru biex tittoppjalu u talabha biex ma ddumx
17:18: Lura fil-Qorti. L-Ispettur jgħid li l-mowbajl ta' George Degiorgio kien diġà qed jiġi interċettat.
17:17 Il-ġurnalisti jintalbu joħorgu mill-Qorti sakemm ingħatat informazzjoni sensittiva.
17:13 In-numru l-ieħor ġie interċettat diversi drabi mis-cell towers tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż. Dawn kollha jħarsu lejn il-baħar
17:00: Waħda mis-sim cards ġiet mixgħula fis-1:30am tas-16 ta' Ottubru fil-Bidnija u baqgħet statita sa ftit qabel l-isplużjoni. Dak il-ħin kien hemm l-aħħar kommunikazzjoni bejn il-linji – il-messaġġ li wassal għall-isplużjoni.
16:56: Iż-żewġ linji intużaw l-aħħar fis-16 ta' Ottubru. Dawn kienu ġew ittoppjati mill-istess mowbajl, iżda mbagħad waħda minnhom tpoġġiet f'mowbajl ieħor. Irriżulta li wieħed mid-devices li kellu s-sim card ma' kienx mowbajl iżda kien jirċievi 'command.' 
16:54: Minn investigazzjoni aktar fil-fond irriżulta li dan il-messaġġ ntbagħat minn fuq il-baħar. Dawn iż-żewġ linji kkommunikaw biss bejniethom u qatt ma' linji oħra. Dawn ikkommunikaw flimkien tliet darbiet biss u bdew jaħdmu fl-10 ta' Jannar.
16:52: Investigaturi tal-FBI ġabbru data mill-kumpaniji kollha tat-telefonija dwar l-attività kollha fil-Bidnija u rriżultat attività suspettuża. Wieħed min-numri qata' kuntatt mas- cell tower fil-ħin li seħħet l-isplużjoni. Irriżulta li ftit sekondi qabel kien rċieva messaġġ mingħand numru ieħor. 
16:48: L-Ispettur u l-kuntistabbli li kien miegħu sabu "sigarett frisk" ftit wara dan iċ-ċint. Dan qed jinżamm għal aktar analiżi.
16:46: Qal li kienu tkellmu ma' persuna li joqgħod fil-viċin li minn tliet ġimgħat qabel l-assassinju kien innota karozza bajba li sikwit kienet qed tkun ipparkjata ħdejn dan iċ-ċint. Kienet hemm ukoll dakinhar tal-assassinju. Wara dakinhar il-karozza qatt ma reġgħet dehret fl-inħawi.
​16:45: Semma żona partikolari msejħa Tarġa Battery. "Innutajna li kien hemm parti minn ċint imwaqqa'," saħaq l-Ispettur. Jekk tgħaddi minn taħt, iġġib il-Bidnija taħtek." 
16:43: "Stabbilixxejna li seta' kien hemm xi ħadd fil-viċin li seta' kien qed isegwi l-passi tal-vittma mhux biss dakinhar imma anke fil-ġimgħat ta' qabel." L-Ispettur qal li hemm postijiet partikolari minn fejn wieħed jista' faċilment jara t-triq tal-bidnija u l-villa tal-ġurnalista Caruana Galizia.
16:41: L-Ispettur spjega li nġabru l-filmati kollha li seta' kien hemm fl-inħawi minn siegħa qabel ipparkja l-karozza Matthew sa sagħtejn wara l-assassinju. B'kollox ġabru 25 siegħa filmati. Tkellem fid-dettall dwar il-prekawzjonijiet kollha meħuda biex ma tintilef l-ebda evidenza.
16:40: L-Ispettur jgħid li minn investigazzjoni li saret barra minn Malta, l-isplussiv li ntuża huwa organic explosives.
16:37: Skont dak li qal Matthew Caruana Galizia lill-Ispettur, Daphne ħarġet mid-dar imma daret lura għax nesiet iċ-cheque book. Ftit wara li reġgħet ħarġet sema' ħoss qawwi, ħareġ barra u ra daħna kbira. "Wasal fuq il-post tard wisq."
16:35: Kien hemm żewġ ċwievet tal-karozza. Waħda għand Daphne Caruana Galizia u waħda għand il-kumpanija tal-kiri. Kienet tuża l-karozza Daphne Carauna u anke binha Matthew. Kienet użata l-aħħar il-Ħadd filgħaxija, lejlet l-assassinju, minn Matthew Caruana Galizia li pparkjaha barra r-residenza. L-għada intużat biss minn Daphne Caruana Galizia.
16:31: L-Ispettur jippreżenta ritratti minn Google Earth u jibda jispjega x'sab meta wasal fuq il-post tal-assassinju. Meta wasa il-vettura ma kinitx qed taqbad. Mill-pjanċa rriżulta li l-vettura kienet mikrijagħand Daphne Caruana Galizia. Dan kien ikkonfermat dak il-ħin stess minn Matthew Caruana Galizia.
16:24: L-Ispettur Keith Arnaud jibda jixhed imma mill-ewwel jitlob lill-Qorti biex twissi lil George Degiorgio, wieħed mill-akkużati, li fil-kurituri tal-Qorti għadda kumment "vojt" meta ra lill-Ispettur, liema kumment kien dwar il-każ.
16:20: Il-Prosekuzzjoni tiddikjara li r-raġel ta' Daphne Caruana Galizia u binha Matthew se jkunu parti mid-difiża tal-prosekuzzjoni u se jkunu preżenti meta tinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza. Talab ukoll li xi informazzjoni sensittiva li mhux fl-interess pubbliku, għandha tinstema' wara bibien magħluqa biex ma tkunx mhedda investigazzjoni li għadha għaddejja. Il-Qorti taqbel li partijiet mill-kumpilazzjoni tinstema' fil-magħluq.
16:15: Id-digriet tal-Qorti jiddeċiedi li ma kien hemm l-ebda pressjoni mill-Prim Imħallef fuq il-Maġistrat magħżul u ma kien hemm l-ebda kommunikazzjoni bejniethom. Għalhekk il-Maġsitrat tirrifjuta li tgħaddi dan il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Minn issa stess tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza.
16:07: Il-Maġistrat tibda taqra d-deċiżjoni tal-Qorti. Tgħid li l-Avukati tad-Difiża kellhom jispjegaw aħjar għalfejn u kif se jinkisru d-drittijiet tal-akkużati. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha kkwotat għadd ta' deċiżjonijiet oħra li ttieħdu kemm f'Malta u anke barra minn Malta, f'każijiet u talbiet simili.
16:06: Il-akkużati u l-Maġistrat lura fl-awla
13:07 Il-Maġistrat taġġorna s-seduta għall-4pm
13:05 Comodini Cachia qalet li d-difiża qed tiddubita mill-imparzjalità u l-indipendenza tal-Maġistrat, jekk trid tkun taf x'kellu f'moħħu l-Prim Imħallef meta għażel lilha u mhux Maġistrat ieħor.
12:49 "L-argument tad-difiża huwa frivolu jew vessatorju" – Dr Comodini Cachia. Iwieġeb Dr Martin Fenech u qal li l-Prim Imħallef għandu jgħid fuq liema raġuni għażel Maġistrati u oħrajn. 
12:29 Dr Comodini Cachia tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha. Fost l-oħrajn qalet li tistenna li kull Maġistrat li jkun assenjat mill-Prim Imħallef iżomm l-amministrazzjoni tal-awla, skont dak li għandu quddiemu. Irreferiet għal każijiet fejn Maġistrati ġew assenjati u mhux ittellgħu bil-polza. Fissret kif il-Prim Imħallef għandu diskrezzjoni biex jagħżel.
12:24 Il-Prosekuzzjoni tirribatti u anke Dr Therese Comodini Cachia min-naħa tal-familja tal-vittma. 
12:17 Il-Maġistrat innutat kif Dr Cuschieri għamel referenza tal-verbal li għamel fil-bidu tas-seduta, dwar ir-referenza kostituzzjonali. Talbet spjega ta' Dr Cuschieri, li qal kif l-ewwel Maġistrat li ġiet assenjata bil-polza, u Dr Charmaine Galea u hi ntgħażlu bla raġuni mill-Prim Imħallef, possibiliment għax hemm pressjoni fuq il-Prim Imħallef. Għaldaqstant id-difiża qed toġġezzjona għall-mod kif qed jintgħażlu l-Maġistrati. 
12:14 Il-Maġistrat tidħol fl-awla biex tagħti d-digriet. Qalet li wara li l-Qorti fliet l-artiklu ma tarax tifħir dwar membru tal-familja tagħha. Spjegat li t-talba għar-rikuża ma ġietx sostnuta mid-difiża u għaldaqstant ċaħdet it-talba għar-rikuża tagħha. 
12:09 L-akkużati jerġgħu jiddaħlu fl-awla. Minn ħin għall-ieħor mistennija tidħol il-Maġistrat biex taqra d-digriet.
11:35 L-akkużati jinħarġu mill-awla.
11:31 Fl-awla, l-avukati difensuri jitkellmu mat-tliet akkużati. Il-membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata bilqiegħda fl-aħħar bank. L-armel tal-vittma fuq il-bank tal-avukati tal-familja tiegħu.
11:30 Dr Stafrace Zammit tidħol biex tikteb id-digriet. 
11:28 Il-Maġistrat tagħmel verbal, li fih tgħid li Dr Martin Fenech qed jitlob rekuża fuq artiklu li ppreżenta u li fuqha qed jibbaża t-talba għad-difiża.
11:27 Il-Maġistrat tistaqsi lid-difiża jekk hux qed titlob ir-rekuża tagħha, minħabba dak li sejħet "blogg post" fejn issemma r-raġel tagħha. Id-difiża kkonfermat. Il-Maġistrat qalet li se tidħol biex tagħti digriet, bid-difiża tistaqsi kemm se tieħu ħin. Min-naħa tagħha l-Maġistrat tgħolli leħinha u tgħid li tieħu kemm hemm bżonn.
11:18 Il-Maġistrat tgħid lill-Avukat Martin Fenech biex ma jqabbilhiex ma' Maġistrati oħra u d-deċiżjonijiet tagħhom, għax dwarha l-ġurnalista qatt ma' kitbet favur jew kontra tagħha. Dr Fenech jgħid li l-fatt li darba Daphne faħħret lil żewġ il-Maġistrat, iħossu li hemm preġudizzju. Il-Maġistrat titlob lid-difiża tippreżentalha l-artiklu li qed titkellem dwaru.  

11:14 Id-difiża ssemmi t-talba li tiġi rikużata l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, imma Dr Azzopardi saħaq li fil-każ ta' Scerri Herrera, is-sitwazzjoni kienet differenti minħabba li kien hemm kawżi personali bejnha u l-vittma.
11:12 Botta u risposta bejn l-avukat tal-Prosekuzzjoni u l-avukati tad-difiża.
11:10 L-Avukat Fenech qal li hu qed jitlob li jsir smigħ ġust u indipendenti li għandhom dritt għalihom it-tliet akkużati. 
11:05 Dr Jason Azzopardi, f'isem il-familja Caruana Galizia qal li dak li qed tgħid id-difiża m'għandu l-ebda affidibiltà.Talab lill-Qorti biex tibda bil-ġbir tal-provi. 
11:01 L-Avukat tal-Prosekuzzjoni qal li ilu 16-il sena jaħdem f'din il-Qorti, imma qatt ma ra sitwazzjoni bħal din.ħar
10:56 Dr Martin Fenech jitlob lill-Maġistrat biex tirrekuża ruħha. Jaqbeż Dr Cuschieri u jirreferi għal artiklu fejn Daphne Caruana Galizia faħħret lil Dr Ian Stafrace.  Il-Maġistrat tgħid li kulma qalet kienu fatti.
10:55 L-Avukat tal-Prosekuzzjoni staqsa li hemm bżonn li d-difiża tiċċara jekk hux se tintalab rikuża tal-Maġistrat.
10:52 Dr Cuschieri jsemmi kif fid-dawl ta' dak li qal il-Prim MInistru lbieraħ, li għandu fiduċja li l-każ ma jeħelx, u jistaqsi jekk hemmx xi tip ta' pressjoni. Isemmi wkoll tifħir li sar mill-vittma fil-konfront tar-raġel tal-Maġistrat, Dr Ian Stafrace. Dlonk il-Maġistrat tistaqsih, "għaliex ma tlabtnix nirrikuża ruħi?"
10:45 Il-Maġistrat titlob kemm-il darba b'ton sod lill-avukat difensur biex quddiemha jmur ippreparat. L-avukat jgħid li ma kellux ċans għax iż-żmien limitat.
10:43 L-Avukat ta' Alfred Degiorgio, Dr Cuschieri, jgħid li l-Qorti tirreferi rekwiżit kostituzzjonali lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fis-setgħa Kostituzzjonali tagħha,biex tara jekk il-fatt li l-ewwel Maġistrat li lilha ġiet assenjata b'din il-kawża ntgħażlet bil-proċedura tal-polza, li kienet ukoll irrekordjata u l-Maġistrati appuntati sussegwentament intgħażlu b'għażla tal-Prim Imħallef mingħajr l-ebda spjegazzjonijiet dwar din l-għażla, jikkonflitta mad-dritt tal-akkużat li l-każ jinstema' minn Qorti indipendenti. 
10:36 Wieħed mill-avukati difensuri, DrMartin Fenech jistaqsi lill-Maġistrat jekk għandhiex preokkupazzjoni li tisma' din il-kawża.Il-Maġistrat wieġbet li l-unika preokuppazzjoni li għandha li qed tinstema' fi żmien il-Milied u li l-bqija m'għandha l-ebda preokuppazzjoni.
10:35 Il-Maġistrat titlob lill-avukati taż-żewġ partijiet, biex jagħżlu avukat wieħed li se jitkellem.
10:32 Il-Maġistrat Stafrace Zammit tidħol fl-awla.
10:31 Jiddaħħlu l-akkużati f'Awla 7

Filmat LIVE: Ian Noel Pace
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit illum mistennija tibda tisma' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati b'rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Dan wara li kemm il-Maġistrat maħtura oriġinarjament Donatella Frendo Dimech u Charmaine Galea, iddeċidew li ma jisimgħux il-każ.