Assassinju Daphne: Għarfuha biss mid-DNA – espert forensiku

Jesmond Vassallo

Il-Qorti semgħet kif ġisem il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kien biss identifikat wara li sar test tad-DNA, fix-xhieda tal-espert forensiku Mario Scerri.

Dalgħodu kompliet tinstema’ x-xhieda fil-kumpilazzjoni kontra t-tlett akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Wara li l-kawża ġiet deferita nhar it-Tlieta li għadda hekk kif l-ebda xhieda ma dehret quddiem il-Qorti, dalgħodu tmien persuni taw ix-xhieda tagħhom.

Fosthom kien hemm l-espert forensiku Mario Scerri li ta deskrizzjoni grafika ta’ x’sab fuq il-post. Huwa qal li l-ġisem tal-vittma kien beyond recognition u li kien biss wara li sar it-test tad-DNA li ġiet stabbilità l-identità tal-ġurnalista.

Xehed ukoll suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta li jaħdem fil-Bomb Disposal Unit u li mar fuq il-post meta seħħ il-każ. Huwa qal li saret tfittxija fuq il-post biex jaraw jekk kienx hemm iktar splussiv, iżda ma sabu xejn.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet assassinata b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda viċin id-dar tagħha fil-Bidnija.

Il-Pulizija kienet arrestat għaxart irġiel b’rabta mal-assassinju li tlieta minnhom qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. It-tlieta akkużati huma Alfred Degiorgio “il-Fulu”, ħuh George Degiorgio “iċ-Ċiniż” u Vince Muscat “il-Koħħu”.

Il-każ se jkompli fit-3 ta’ Settembru fid-9.30 ta’ filgħodu.

10:11 Issa jmiss il-Professur Marie Therese Camilleri Podesta flimkien mal-espert Forensiku Ali Safraz.

Camilleri Podesta se tixhed bil-Malti li flimkien ma’ Safraz għamlu l-awtopsja fuq il-katavru u kien stabbilit li l-kawża tal-mewt kienet blast injuries.

Il-Prosekuzzjoni saqsiet lil Safraz jekk jikkonfermax il-firma tiegħu fuq ir-rapport. Il-Maġistrat traduċiet għal Malti dak li qal Safraz li jikkonferma l-firma tiegħu fuq ir-rapport u li ma għandu xejn iktar xi jżid jew xi jnaqqas ma’ dak li hemm fir-rapport. Il-Qorti nnomminat lil Dr Yanika Camilleri biex tagħmel traduzzjoni tar-rapport mill-Ingliż għal Malti.

10:03 Issa jmiss lil Joseph Bondin li huwa suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta li huwa stazzjonat il-Mosta u jaħdem fit-taqsima tal-Bomb Disposal Unit. Fix-xhieda tiegħu Bondin qal li malli waslu fuq il-post fittxew biex jaċċertaw li ma kienx hemm iżjed splussiv. Huwa ġie mistoqsi x’ra mill-prosekuzzjoni. Bondin qal li kien hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija.

Huwa qal li marru f’razzett fil-Mosta biex jaraw jekk hemmx xi IED iżda ma sabu xejn.

L-avukat tad-Difiża Martin Fenech saqsa lil Bondin x’mar jagħmel it-tieni darba kif ukoll talab lil Bondin jispjega eżatt fejnu l-post.

10:00 Wara Buttigieg kien imiss l-eks Spettur Alexander Miruzzi fejn ikkonferma s-sentenza mogħtija lil Vince Muscat. L-avukat tad-Difiża Martin Fenech qal li wara 10 snin is-sentenzi ma jibqgħux jgħoddu u għalhekk talab biex din titneħħa mill-kumpilazzjoni tal-evidenza.

Il-Maġistrat tgħid li l-Qorti tiċħad it-talba tad-Difiża biex din titneħħa imma għadha tiġi deċiża fis-sentenza finali jekk hix amessibbli jew le.

09:57 Mario Buttigieg tlaħħaq mill-Qorti biex jiċċekkja l-istorja tal-karozza tal-kiri tal-ġurnalista, il-Peugeot 108. Huwa esbixxa r-rapport tiegħu fil-Qorti.

09:51 Issa tela’ Mario Scerri jixhed. Scerri jispjega li kif wasal fuq il-post instabet il-pala tal-id il-leminja tal-ġurnalista u riġel lemini. Huwa spjega kif il-katavru kien beyond recognition li wassal biex Scerri ħa kampjun mit-tifel biex iqabbel id-DNA ma’ tal-vittma u b’hekk ġiet ikkonfermata l-identità ta’ Daphne Caruana Galizia.

09:49 Wara Portelli, tela’ l-kuntistabbli Reuben Balzan mis-sezzjoni ta’ Rapid Intervention Unit li ħa fuq il-post fil-Bidnija. L-avukat tad-difiża Martin Fenech saqsa jekk ir-ritratt ittiħidx permezz ta’ mowbajl jew kamera. Balzan spjega li dawn ir-ritratti ittieħdu biex iservu ta’ evidenza.

09:38 Id-Deputat Avukat Ġenerali jgħid li l-Avukat Ġenerali ma opponiex it-talba ta’ Alfred Degiorgio tar-rikors li sar sabiex huwa jikseb kopja tal-atti mitluba biex dawn jiġu esebiti fir-rikors kostituzzjonali magħmul minnu stess. Il-Maġistrat Claire Straface Zammit laqgħet it-talba tal-imputat.

Christopher Portelli li jaħdem fl-uffiċċju ta’ informazzjoni ta’ sigurtà li għamel extraction ta’ telefonati ta’ nies pajżana. L-Ispettur Keith Arnaud saqsa lil Portelli xi se jsib meta wieħed jiftaħ ic-CD li ġiet preżentata fil-Qorti. Portelli wieġeb li dawn huma telefonati minn nies li kienu għaddejja u li semgħu l-isplużjoni.

09:35 Jaslu l-akkużati fl-Awla numru 7.

L-aħħar seduta ġiet deferita wara nofsiegħa wara li l-ebda xhieda ma dehret fil-Qorti minħabba li dawn ma setgħux.