Aġġornata (1): Assassinju Daphne: Casa u Gomes jirrifjutaw it-talba biex jiltaqgħu mal-aħwa Degiorgio

Read in English.

L-Ewroparlamentari David Casa u Ana Gomes fi stqarrija konġunta rrifjutaw it-talba li saret biex ikun hemm awtoriżzzjoni biex l-aħwa Degiorgio li flimkien ma’ Vince Muscat qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jagħmlu laqgħa magħhom fil-preżenza ta’ ġurnalisti barranin.

Fl-istqarrija l-MEPs saħqu li mhux post il-politiċi li jinnegozzjaw ma’ persuni ssuspettati bil-qtil u bħalissa jinsabu arrestati. Sostnew li jekk dawn iridu jagħmlu xi ammissjoni jistgħu jagħmlu dan mal-maġistrat filwaqt li l-akkużati jistgħu joħorġu stqarrijiet permezz tal-avukat tad-difiża. Fakkru li x-xogħol tal-politiku huwa li jara li kulħadd qed jagħmel xogħlu u huma bħala politiċi ma jistgħux jieħdu xogħol il-maġistrat, il-pulizija jew il-prosekuzzjoni.

L-aħwa Degiorgio jitolbu laqgħa mal-MEPs fil-preżenza tal-ġurnalisti barranin
L-aħwa Degiorgio talbu lill-Qorti biex tawtorizza laqgħa bejn l-Ewroparlamentari David Casa u Ana Gomes fil-preżenza ta’ ġurnalist jew ġurnalisti barranin.

Dan sar waqt is-seduta tal-Ħamis fejn kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

It-talba li mhix tas-soltu saret mill-avukat tad-difiża William Cuschieri fil-bidu tas-seduta tal-Ħamis.

L-assistent tal-Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia kien sorpriż bit-talba li saret u saħaq li hemm proċeduri għaddejjin fil-Qorti. Huwa qal li l-każ hu suġġett għall-proċess ġudizzjarju filwaqt li l-politiku, il-midja u persuni terzi għandhom jibqgħu barra mill-proċess. Huwa rringrazzja lil kulħadd tal-ħidma tagħhom.

Minn naħa tiegħu l-avukat tal-parte civile Jason Azzopardi sostna li jkun aħjar li din it-talba tiġi diskussa bil-magħluq filwaqt li saħaq li jekk l-akkużati għandhom xi ilmenti, l-avukat tad-difiża jista’ jikteb lill-MEPs ikkonċernati. Azzopardi stqarr li kieku riedu setgħu ltaqgħu mal-Maġistrat inkwierenti. Azzopardi argumenta li ladarba ssir il-laqgħa u l-aħbar tinħareġ mill-midja li dan huwa xogħolhom, jista’ jagħti l-każ li d-difiża tibda proċeduri legali u ssostni li ċertu drittijiet tal-akkużati ġew miksruha.

AQRA: Assassinju Daphne: 2 akkużati jgħidu li r-rapport tal-Ewropa qed jindaħal fil-Qorti

Cuschieri sostna li huwa għadu ma jafx x’inhu dak li jixtiequ jiddiskutu l-akkużati mal-MEPs hekk kif kienu nfurmawh biss filgħodu. Huwa sostna li talab biss l-awtoriżazzjoni tal-Qorti hekk kif dawn għadhom taħt arrest preventiv. Wara li kkonsulta mal-akkużati, Cuschieri informa lill-Qorti li l-akkużati ma għandhom xejn xi jżidu mat-talba li saret minnhom.

Il-Maġistrat qalet lid-difiża li kienet qed tintalab xi ħaġa li jaf ikollha riperkussjonijiet kostituzzjonali kif ukoll riperkussjonijiet dwar smigħ xieraq. Galea Farrugia sostna li l-proċess ġudizzarju u ma għandux jiġi ridott għal forum politiku.

Il-Qorti tat lill-prosekuzzjoni u lill-parte civile sa nhar it-Tnejn fit-3pm biex iddaħħal ir-risposta tagħha bil-miktub dwar it-talba li saret mid-difiża. Il-Maġistrat se tkun qed tagħti d-digriet tagħha wara.

Ix-xhieda l-oħra

Fil-Qorti l-Ħamis xehed ukoll rappreżentat tal-LESA kif ukoll l-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Keith Arnaud li ppreżenta xi rapporti li fihom tissemma’ l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. It-tfittxija saret fuq is-sistema tal-Pulizija sal-2006. Rapport minnhom kien dwar inċident tat-traffiku filwaqt li ieħor kien dwar il-qtil inifsu.

Rapport li jmur lura għall-2008 kien sar minn xi ħadd anonimu li ċempel il-control room tal-Pulizija u informa dwar theddida ta’ bomba fid-dar ta’ Caruana Galizia. Il-pulizija kienu kellmu żewġ individwi li ġew identifikati mill-persuna li ċemplet iżda ma rriżulta xejn mill-investigazzjonijiet.

AQRA: Assassinju Daphne: Imħallef irtirat se janalizza l-messaġġi li rċeviet

Ritratti jisparixxu…

Uffiċjal tal-LESA li huwa bbażat fuq ir-reġjun taċ-ċentru ppreżenta fil-Qorti kopji ta’ żewġ kontravenzjonijiet relatati mal-vettura li Alfred Degiorgio kien qed jikri.

Tfittxija fis-sistema tal-Awtorità wera żewġ kontravenzjonijiet iżda għal xi raġuni, qal l-uffiċjal ma nstabux ir-ritratti fuq is-sistema u lanqas ġew arkivjati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Arnaud.

Għall-parte civile dehru l-avukati Eve Borg Costanzi u Jason Azzopardi.

L-avukat William Cuschieri deher għal Alfred Degiorgio (il-Fulu), l-avukat Josette Sultana dehret għal George Degiorgio (iċ-Ċiniż) filwaqt li l-avukat Martin Fenech deher għal Vince Muscat (il-Koħħu).

Deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali

Il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li dritt ta’ Alfred Degiorgio għal smigħ xieraq ma kienx inkiser meta l-Maġistrat ħalliet lill-esperti tal-FBI jixhdu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Degiorgio li għaddej proċeduri flimkien ma’ żewġ akkużati oħra fil-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia.

AQRA: Assassinju Daphne: L-FBI jiġu Malta, jintbagħtu lura mingħajr ma jixhdu

Is-sena l-oħra l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ħalliet lill-esperti tal-FBI jixhdu fil-kumpilazzjoni.

Żewġ talbiet simili li saru wkoll kienu miċħuda mill-qrati kostituzzjonali.

F’Qorti ppreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti nnutat li l-evidenza miġjuba mill-esperti għadha tista’ titneħħa hekk kif il-proċeduri fil-qorti kriminali għadha fil-fażi tal-kumpilazzjoni filwaqt li għadha l-bogħod mit-tmiem, bil-Qorti tirrimarka li għadha ma waslitx għall-istat ta’ ġuri.

Il-Qorti saħqet li għaldaqstant Degiorgio jista’ jsib rimedji ordinarji quddiem il-qorti kriminali.

LIVE BLOG:

12:38 Kawża ddeferita għall-15 ta’ Lulju fid-9.30am.

12:23 Lura għat-talba li saret iktar kmieni mill-avukat tad-difiża William Cuschieri f’isem l-aħwa Degiorgio. L-Assistent tal-AĠ Philip Galea Farrugia qal ‘Frankament am bewildered!’

L-avukat tal-parte civile Jason Azzopardi saħaq li jagħmel iktar sens li din it-talba tiġi diskussa mingħajr terzi persuni preżenti. Sostna li jekk għandhom ilmenti, l-avukat tad-difiża jista’ jikteb lill-MEPs imma iktar minn hekk, dan ikun barra mir-remit tal-istess MEPs.

12:13 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li fis-sistema tal-Pulizija telgħu ħames rapporti li kienu jisemmu lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Huwa ppreżenta dawn ir-rapporti quddiem il-Qorti.

Rapport minnhom huwa dwar żewġ individwi li heddew b’bomba fuq id-dar ta’ Caruana Galizia fl-2008. Il-pulizija kienet irċievet it-telefonata minn telephone booth dwar żewġt irġiel li qed jippjanaw li jagħmlu bomba fuq id-dar ta’ Caruana Galizia. Arnaud fil-kontro-eżami qal li huma ġew mitkellma iżda ma rriżulta xejn iktar.

12:01 Tela’ jixhed rappreżentat tal-LESA li huwa uffiċjal stazzjonat fir-reġjun taċ-ċentru fejn kien mistoqsi dwar kontravenzjonijiet tal-vettura bin-numru ta’ reġistrazzjoni VQZ529. Huwa esebixxa fil-Qorti tad-dokumenti relatati ma’ dawn il-kontravenzjonijiet. Din il-vettura kienet mikrija.

Żewġ kontravenzjonijiet f’Awwissu 2017.

11:55 L-avukat tad-difiża William Cuschieri talab biex il-Qorti tħalli lill-aħwa Degiorgio jiltaqgħu ma’ żewġ Ewroparlamentari u ġurnalist.

It-talba tal-aħwa Degiorgio: Jinfurmaw lill-Qorti li huma qegħdin iressqu talba sabiex il-Qorti tawtorizza illi ssir laqgħa bejnithom u bejn l-Ewroparlamentari Ana Gomes u David Casa fil-preżenza ta’ ġurnalist jew ġurnalisti barranin u li jingħataw il-providementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata tali laqgħa u jsiru l-arranġamenti.

Il-Maġistrat għadha trid toħroġ digriet dwar din it-talba.

11:51 Wasal fl-awla l-ewwel akkużat, Vince Muscat. Ftit wara daħlu ż-żewġ akkużati l-oħra.

11:30 Ninsabu f’awla numru 7 fejn mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista investigativa Daphne Caruana Galizia. It-tliet irġiel li kienu arrestati f’Diċembru 2017 huma Vince Muscat, Alfred Degiorgio u George Degiorgio.

Iktar kmieni l-Ħamis filgħodu l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, l-Qorti ċaħdet rikors imressaq mill-aħwa Degiorgio. L-Imħallef Mark Chetcuti sab it-talbiet tal-aħwa Degiorgio infondati.

Il-Qorti hi ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

AQRA: Assassinju Daphne: L-esperti jgħidu kif identifikaw id-dgħajsa

AQRA: Assassinju Daphne: Il-Vodafone se “tixhed dwar l-ipproċessar tad-data”

AQRA: Assassinju Daphne: Żvelat rapport li Ministru għamel dikjarazzjonijiet foloz – Metsola

AQRA: Assassinju Daphne: ‘Kienu jafu għala qed jiġu arrestati’ – xhud