Joseph Muscat jissemma fir-rekordings ta’ Melvin Theuma

Aġġornat 11:46 AM
Ritratt: Miguela Xuereb

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Xi spikka llum mix-xhieda ta’ Melvin Theuma?

  • Keith ġieli ċempel lil Yorgen meta kien miegħu
  • Keith kesaħ meta Yorgen infurmah bil-qtil
  • Yorgen qallu li Joseph Muscat kien indannat meta sar jaf.
  • Silvio Valletta kien jgħaddi l-informazzjoni lil Yorgen
  • Skont Yorgen, Keith Schembri mar jitkixxef mal-Imħallef Antonio Mizzi minħabba x-Xiħ (Joseph Muscat)
  • Yorgen jgħid li Keith Schembri kien jaf b’kollox
  • Joseph Muscat issemma darba fil-konverżazzjonijiet bejn Melvin u Yorgen
  • Ġew traskritti aktar minn 130 rekording li kellu fil-kaxxa Melvin Theuma
13:14 Is-seduta tal-lum tintemm hawn. Il-kumpilazzjoni tkompli fit-13 ta' Frar fl-10am. Grazzi talli segwejtuna.
Christoph Schwaiger
13:11 Joħroġ Melvin Theuma mill-awla.
Christoph Schwaiger
13:09 Aktar kmieni l-Maġistrat staqsiet lil Theuma jekk kienx jistaqsi lil Fenech biex jiċċaralu l-affarijiet meta ma kienx qed jifhem eżatt id-diskors li kien jintqal bejniethom. Theuma jgħid li ma kienx jitlob spjegazzjoni.
Christoph Schwaiger
13:08 Issir referenza għal Daphne Caruana Galizia fir-rekordings. Yorgen Fenech jinstema' jgħid li kieku jitfagħha “minn hawn għal isfel”. Melvin Theuma jgħid li dan id-diskors sar f’Level 21 f’Portomaso. Jgħid li dan il-kliem intqal wara l-assassinju.
Christoph Schwaiger
13:07 F'ħafna mumenti waqt li kien qed jitkellem Theuma waqt is-seduta Yorgen Fenech deher ixengel rasu.
Christoph Schwaiger
13:07 Theuma jgħid li ma jafx min kellu jwettaq dan ir-reat.
Christoph Schwaiger
13:06 Melvin Theuma: Yorgen Fenech qalli li se jitfgħu l-aċtu fuq wiċċ il-mara u t-tfal ta' Vince Muscat.
Christoph Schwaiger
13:04 Theuma: Skont Yorgen, Keith Schembri mar jitkixxef mal-Imħallef Mizzi minħabba x-Xiħ (Joseph Muscat).
Christoph Schwaiger
12:56 Theuma jikkonferma li Yorgen Fenech kien mar festin fil-palazz tal-Girgenti.
Christoph Schwaiger
12:53 "Kisrithom" – fir-rekording Yorgen u Melvin jinstemgħu jaqblu li l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia "kisrithom".
Christoph Schwaiger
12:53 Theuma jgħid li din kienet l-unika darba li ssemma Muscat.
Christoph Schwaiger
12:51 Melvin Theuma jikkonferma li Yorgen Fenech qallu li Joseph Muscat, l-eks Prim Ministru ta' Malta, kien indannat meta sar jaf.
Christoph Schwaiger
12:47 Jissemma' isem Joseph Muscat li kien "indannat". Joseph Muscat huwa l-eks PM ta' Malta.
Christoph Schwaiger
12:46 Theuma jgħid li Yorgen Fenech qallu li Keith Schembri qallu li l-Pulizija kienet waslet qrib biex issib min qatel lil Caruana Galizia.
Christoph Schwaiger
12:45 Theuma ma jafx jekk ir-razzett Tal-Maksar kienx qrib ir-razzett ta' Fenech
Christoph Schwaiger
12:42 Theuma: Yorgen dejjem kien jgħid li l-bomba nħadmet għand Tal-Maksar
Christoph Schwaiger
12:41 Jason Azzopardi: Yorgen qallek 'morru għand tal-Maksar'. Morru għal min qed jirreferi?
Melvin Theuma: Ma nafx
Christoph Schwaiger
12:39 Jibdew il-mistoqsijiet minn Jason Azzopardi
Christoph Schwaiger
12:38 Skont Theuma Vince Muscat kien se jikxef informazzjoni dwar xi 7 bombi. Jgħid li ma kienx se jikxef dwar każ tal-HSBC.
Christoph Schwaiger
12:36 Theuma jgħid ukoll li Keith Schembri kien se jmut, skont kif kitbet Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha.
Christoph Schwaiger
12:34 Theuma jgħid li ma' Yorgen kien jitkellem mingħajr ma jsemmu ismijiet. Jgħid li jaħseb li Keith Schembri beda jippanikkja. "Keith kien jaf kollox".
Christoph Schwaiger
12:34 Il-Maġistrat tistaqsi lil Melvin Theuma jekk hux qed jorbot lil Keith Schembri f'moħħu.
Christoph Schwaiger
12:32 Id-Difiża tqajjem tħassib dwar il-validità ta' dak li qed jgħid Melvin Theuma.
Christoph Schwaiger
12:30 Theuma: Schembri qal lil Yorgen Fenech li messu kellmu qabel ma' ordna l-qtil
Christoph Schwaiger
12:29 Melvin Theuma: Keith Schembri jaf li kien Yorgen Fenech. Schembri kesaħ xħin qallu Fenech bil-qtil.
Christoph Schwaiger
12:27 Theuma jgħid li Yorgen qal lil Keith Schembri bil-qtil
Christoph Schwaiger
12:26 Theuma jgħid li Silvio Valletta kien jgħaddi informazzjoni lil Yorgen Fenech,
Christoph Schwaiger
12:23 Il-prosekuzzjoni tibda tagħmel domandi dwar l-aħħar rekordings li nstemgħu.
Christoph Schwaiger
12:13 Il-Maġistrat tgħid li l-Qorti se tordna biex issir traskrizzjoni ġdida ta' fejn ikun hemm bżonn.
Christoph Schwaiger
12:12 Jinstabu aktar żbalji fit-traskrizzjonijiet.
Christoph Schwaiger
12:12 Aktar kmieni Melvin Theuma qal li Kenneth urih 3 numri. Wieħed minnhom kien tiegħu u qal li dak il-ħin infixel. Theuma qal lil Kenneth li l-mandant kien Yorgen Fenech. Ma jafx ta’ min kienu n-numri l-oħra. Ma jafx jekk Kenneth ġabx dawn in-numri mis-Servizzi Sigrieti. Ma staqsiex lil Kenneth minn fejn ġew in-numri.
Christoph Schwaiger
12:07 Il-Maġistrat tagħmel korrezzjoni oħra.
Christoph Schwaiger
12:04 Il-Prosekuzzjoni taħseb li hemm aktar żbalji fit-traskrizzjoni dwar min qed jitkellem.
Christoph Schwaiger
12:02 Jidher li kien hemm xi żball fit-traskrizzjoni. Jiġu kkoreġut mill-Maġistrat.
Christoph Schwaiger
11:59 Se jinstema' rekording ieħor
Christoph Schwaiger
11:59 Jintemm il-kontro-eżami.
Christoph Schwaiger
11:58 Theuma jgħid li jista' jkun li ġieli ltaqa' ma' Kenneth u Johann qabel il-każ.
Christoph Schwaiger
11:57 Theuma jgħid li ltaqa' ma' Kenneth xi darbtejn.
Christoph Schwaiger
11:56 Theuma jgħid li Kenneth qallu li l-Pulizija ma jafux bih. Jgħid li ma staqsiex lil Johann Cremona dwar Kenneth Camilleri. Kien jiltaqa' kuljum ma' Johann Cremona.
Christoph Schwaiger
11:45 Melvin Theuma jgħid li Johann Cremona ntroduċieh ma' Kenneth Camilleri. Jerġa' jgħid li Kenneth kien jafu bħala Pulizija mas-Sezzjoni tat-Traffiku. L-impressjoni ta' Theuma hi li dan Kenneth kien jaf b'kollox dwar l-assassinju.
Christoph Schwaiger
11:42 Id-Difiża titlob biex tkun tista’ tagħmel kontro-eżami ta’ Theuma dwar l-ewwel recording. Il-Qorti tilqa' t-talba.
Christoph Schwaiger
11:39 Għadna qed nistennew. Intant Fenech ħareġ mill-awla. Fenech reġa' daħal. Tidħol ukoll il-maġistrat.
Christoph Schwaiger
11:25 Jidher li se jkun hemm xi pawża ta' ftit minuti. Yorgen Fenech u Melvin Theuma għadhom fl-awla.
Christoph Schwaiger
11:22 Il-Maġistrat toħroġ mill-Awla.
Christoph Schwaiger
11:19 Jason Azzopardi jistaqsi lil Theuma jekk jiftakarx jekk darba kienx hemm xi ikla bejn 8-9 min-nies fir-razzett ta' Yorgen Fenech f'Ħaż-Żebbuġ. Jistaqsih jekk jiftakarx li Yorgen Fenech tahx baskett.
Melvin Theuma jgħid li ma jiftakarx. Jgħid li ta' sikwit kien ikun hemm ikliet bħal dawn.
Azzopardi jgħid li hu jaf dwar l-ikla u dwar il-basket bħala fatt.
Christoph Schwaiger
11:17 Melvin Theuma jgħid li ma jafx eżatt meta beda jitkellem il-Koħħu. Però jgħid li ftit wara kien ċempel lil Jason Azzopardi. Qallu li ried ikellmu "dwar il-każ il-kbir". Azzopardi qallu li hu kien imsiefer u biex minflok iċempel lil Karol Aquilina. Melvin Theuma qal li mbagħad ma ċempilx għax waqgħetlu l-batterija tal-mowbajl. Jgħid li ċempel lil Azzopardi minħabba l-proklama. Jgħid li mbagħad mar jorqod u biddel il-ħsieb.
Christoph Schwaiger
11:09 Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech talbu jfittex il-familja Tal-Maksar. Theuma jgħid li lil din il-familja ma jafhiex
Christoph Schwaiger
11:07 Melvin Theuma jgħid li qatt m'għamel rekordings ta' konverżazzjonijiet mal-aħwa Degiorgio jew Mario Degiorgio.
Christoph Schwaiger
11:06 Jason Azzopardi: Kont taf jekk Yorgen Fenech, Keith Schembri, u Joseph Muscat kellhomx Whatsapp chat bejniethom?
Melvin Theuma: Ma qallix.
Christoph Schwaiger
11:05 Melvin Theuma: Yorgen u Keith kienu ħbieb kbar. Keith Schembri ġieli ċempel lil Yorgen Fenech quddiemi.
Christoph Schwaiger
11:01 Jason Azzopardi: Kif irreferejtu għal Silvio Valletta darba minnhom?
Melvin Theuma: Bħala Valletta l-Oħxon
Christoph Schwaiger
11:00 Melvin Theuma: Yorgen Fenech qalli li Keith Schembri u Silvio Valletta qalulu li l-Koħħu beda jikxef.
Christoph Schwaiger
10:55 Jibda jistaqsi d-domandi Jason Azzopardi – Parte Civile
Christoph Schwaiger
10:54 Melvin Theuma jgħid li lagħab xi flus fuq il-futbol għal Yorgen Fenech. Jissemma l-ammont €16,500.
Christoph Schwaiger
10:52 Theuma jgħid li ma jafx x'kienu jagħmlu l-aħwa Degiorgio li kieku kellhom joħorġu mill-ħabs fuq pleġġ.
Christoph Schwaiger
10:50 Theuma jgħid li Yorgen Fenech qal li Keith Schembri bagħat lil Kenneth.
Christoph Schwaiger
10:48 Theuma jgħid li kien jirċievi messaġġi minn filgħodu sa filgħaxija. "Ma stajtx nibqa' hekk. Aħjar mejjet milli ħaj."
Christoph Schwaiger
10:46 Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech u Keith Schembri “kienu biċċa waħda.”
Christoph Schwaiger
10:45 Sa fejn jaf Melvin Theuma, Yorgen Fenech kien il-mandant tal-assassinju għax kien hu li ħallas €150,000 lill-Fulu biex joqtlu lil Caruana Galizia.
Christoph Schwaiger
10:40 Theuma jgħid li Kenneth Camilleri l-ewwel kien jaħdem "ma' tat-traffic" u Kastilja wkoll. Jgħid li ħaseb li Camilleri kien ix-xufier ta' Joseph Muscat. Jgħid li wara Yorgen Fenech qallu li ma kienx ix-xufier ta' Muscat.
Christoph Schwaiger
10:39 Theuma mbagħad mar għand Mario Degiorgio. Qallu biex iwassal messaġġ lil Alfred u George Degiorgio li l-Koħħu kien se jikxef lilhom u lilu. Mario Degiorgio dakinhar stess ċempel il-ħabs biex jgħidilhom.
Christoph Schwaiger
10:38 Melvin Theuma: Ċempilli Yorgen. Qalli li ried ikellemni. Qalli ejja r-razzett għax għandna problema. Qalli Vince Muscat qed jikxef lili u lill-Fulu u liċ-Ċiniż. Minn hemm bdiet. Jiena qatt ma tkellimt ma’ Vince Muscat. Il-bqija dejjem ma’ Alfred Degiorgio. Darba ma’ George Degiorgio. B’hekk ħassejt li beda t-tradiment fuqi għax Vince Muscat lanqas jafni. Qatt ma tkellemt miegħu kif se jikxifni? Għamilt lejl nixrob bid-dwejjaq.
Christoph Schwaiger
10:31 Melvin Theuma: Ninstemgħu jien, Yorgen Fenech, u t-tfal tiegħu.
Ir-rekording ittieħed f’vettura li biha ġabar lil Fenech mill-ajruport. Ir-rekording kien sar wara l-assassinju. Jgħid li beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet meta skopra li l-Koħħu beda jikxef li jaf.
Christoph Schwaiger
10:30 Jieqaf ir-rekording.
Christoph Schwaiger
10:28 Issa jiddiskutu l-Playstation mat-tfal.
Christoph Schwaiger
10:25 Ir-rekording għadu għaddej. Mhux kollox jinstema' ċar. Hemm xi ilħna tat-tfal. Id-diskussjoni timxi mill-pleġġ għall-futbol u għal suġġetti oħra. Bħalissa s-suġġett huwa t-tim tar-Real Madrid.
Christoph Schwaiger
10:15 Ir-rekording għadu għaddej. Mhux kollox jinstema' ċar imma minn kliem li jintgħarfu l'hemm u l'hawn jidher li d-diskussjoni hija fis-sustanza dwar dak li xehed dwaru Melvin Theuma fis-seduta ta' qabel.
Christoph Schwaiger
10:12 Jinstemgħu jitkellmu Yorgen Fenech u Melvin Theuma dwar il-pleġġ u dwar "Kenneth" (il-persuna li jaħdem jew li kien jaħdem Kastilja)
Christoph Schwaiger
10:09 Bħalissa jinstemgħu ilħna jitkellmu dwar il-futbol
Christoph Schwaiger
10:07 S'issa hemm ftit ħsejjes fl-isfond imma ma jinstema' ħadd jitkellem
Christoph Schwaiger
10:07 Jibda jinstema' rekording
Christoph Schwaiger
10:07 Jerġa’ jidħol Melvin Theuma. Din id-darba uffiċjal tas-sigurtà joqgħod eżatt wara dahar Yorgen Fenech għal aktar protezzjoni. Dan apparti miż-żewġ uffiċjali li għadhom bilqiegħda ħdejh.
Christoph Schwaiger
10:05 Jason Azzopardi jitlob biex it-traskrizzjonijiet jintbagħtu permezz ta’ soft copy biex il-partijiet kollha jkunu jistgħu jifluhom b’mod aktar faċli. B’soft copy wieħed ikun jista’ jfittex kliem b’mod elettroniku. It-talba tiegħu tintlaqa'.
Christoph Schwaiger
10:03 Terġa' tidħol il-maġistrat
Christoph Schwaiger
10:01 Bħalissa Yorgen Fenech qed jitkellem mal-avukat Gianluca Caruana Curran. Jinstemgħu ftit sekondi minn xi rekording hekk kif l-uffiċjali tal-qorti qed jippruvaw iħaddmu l-apparat biex jinstemgħu r-rekordings.
Christoph Schwaiger
09:57 In-nies bħalissa qed jistennew is-seduta tkompli wara li ħarġet il-maġistrat. Ma ngħatatx raġuni għaliex ħarġet.
Christoph Schwaiger
09:55 Il-Maġistrat titlob lil Theuma jerġa' joħroġ.
Christoph Schwaiger
09:54 Theuma jgħaddi minn wara Yorgen Fenech. L-uffiċjali tas-sigurtà jipproteġu lil Fenech b'idejhom.
Christoph Schwaiger
09:54 Jidħol Melvin Theuma – is-sensar tal-assassinju
Christoph Schwaiger
09:52 Fl-awla llum hemm aktar bankijiet. Ħadd mhu bilwieqfa
Christoph Schwaiger
09:51 Yorgen Fenech ikellem għal ftit sekondi lil wieħed mill-avukati tiegħu
Christoph Schwaiger
09:50 L-esperta tgħid li kien hemm aktar minn 130 rekording
Christoph Schwaiger
09:48 Tixhed il-persuna li għamlet traskrizzjonijiet tar-rekordings ta’ Melvin Theuma. Kien hemm partijiet li fihom ma setgħetx tifhem x’qed jintqal.
Christoph Schwaiger
09:44 Tidħol il-Maġistrat Rachel Montebello
Christoph Schwaiger
09:41 Fenech qiegħed bilqiegħda fl-ewwel bank. Hemm żewġ uffiċjali tas-sigurtà ħdejh – wieħed kull naħa.
Christoph Schwaiger
09:40 Fil-Qorti hawn l-avukati ta' Yorgen Fenech, membri tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia, u ġurnalisti fost oħrajn.
Christoph Schwaiger
09:37 L-għodwa t-tajba. Newsbook.com.mt jinsab fil-qorti fejn għadu kemm daħal Yorgen Fenech. Is-seduta mistennija tibda dalwaqt.
Christoph Schwaiger

X’ġara fis-seduta ta’ qabel?

  • Ippreżentati aktar minn 100 gigabyte ta’ informazzjoni; kopja ta’ 23 ritratt
  • Jibdew jinstemgħu r-rikordings li Melvin kellu fil-kaxxa tal-plastik
  • Mir-rikordings: Melvin jgħid lil Yorgen li Keith qal lil Kenneth li se jieħdu l-pleġġ fit-22 u li se jieħdu miljun kull wieħed
  • Melvin itenni li ħass li Yorgen qed jittradih ma’ Keith Schembri