Qtil Ħal Far: Kellu daqqa f’rasu u d-demm f’wiċċu

Read in English.

Żagħżugħ miċ-Chad li kien intlaqgħat b’karozza f’Ħal Far xehed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati li qed jiġu akkużati bil-qtil tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju, Lassana Cisse. Fost l-akkużi li qed jiffaċċjaw Lorin Scicluna u Francesco Fenech, huma akkużati wkoll li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi lil Malimi.

Fi xhieda tiegħu, May Malimi li hu miċ-Chad spjega kif kien sejjer lejn id-dar meta laqtitu karozza. Spjega li huwa waqa’ mal-art fejn baqa’ għal xi siegħa. Jgħid li meta qam mexa ftit u ltaqa’ ma’ żewġ persuni li wasluh lejn l-uffiċċju ta’ Ħal Far Tent Village.

Illum xehdu wkoll tliet support workers li jaħdmu mal-Aġenzija tal-AWAS fejn spjegaw x’ġara dakinhar meta Malimi twassal fl-uffiċċju.

Fis-seduta li jmiss mistennija tiġi ttrattata t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Scicluna u Fenech.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud. Nadia Attard qed tidher mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Kris Busietta u Julian Farrugia, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-avukat Gianella De Marco u Stephen Tonna Lowell.

Filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal parte civile.

12:02 Ix-xhieda tal-lum spiċċaw. Il-Maġistrat Ian Farrugia jgħid li sar kuntatt mal-Olanda, l-NFI (the Netherlands Forensic Institute) minħabba espert tal-ballistika. Il-Prosekuzzjoni spjegat li xi ħadd irid jitla’ bl-arma, bl-iskartoċċ, u l-balla.

L-avukat Gianella De Marco tistaqsi min baqa’ biex jixhed fil-każ u jekk baqax xhieda pajżana li jonqsu jixhdu.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li jonqos jixhed it-tfajla tal-Lorin Scicluna.

L-avukat Franco Debono sostna li forsi qabel jiġi ttrattat il-ħelsien mill-arrest forsi tixhed din il-persuna.

Il-kawża hi aġġornata għat-18 ta’ Settembru fid-9.30am.

11:52 Tixhed support worker oħra li ilha 3 snin taħdem mal-AWAS, ilha madwar sentejn taħdem Ħal Far. Hi tgħid li kienet xogħol bil-lejl dakinhar. Tgħid li l-uffiċjali tas-sigurtà daħlu fl-uffiċċju persuna feruta maż-żewġt “iħbieb” tiegħu. Hi spjegat li kif stejqer daqxejn il-ferut huwa qalilhom li laqtitu karozza.

Hi qed tispjega dwar il-log in bħal kollegi tagħha iktar kmieni. Hi tgħid li rat lill-ferut illum ħiereġ mill-Qorti.

L-avukat Gianella De Marco tistaqsi lis-support worker min daħħal id-dettalji fil-log book, jekk kinitx persuna waħda jew inkella jekk kinitx hi. Is-support worker tgħid li hi kienet fl-uffiċċju meta nġab Malimi iżda mhux hi kitbet fil-log book. Is-support worker tgħid li l-ewwel support worker li xehdet illum, kitbet fil-log book dak li ġara.

Is-support worker isostni li kienu kollha fl-uffiċċju meta seħħ il-każ.

11:45 Tixhed support worker oħra li ilha 8 snin taħdem mal-AWAS f’Ħal Far. Hi tispjega li dakinhar kienet over time, u kienet qegħda fix-shift ta’ bil-lejl. Hi tgħid li għall-ħabta ta’ xi 10pm, li ġew l-uffiċjali tas-sigurtà u warajhom kien hemm tliet residenti tagħhom.

Meta staqsewhom x’ġara, it-tnejn li kienu qed iżommuh qalu “a fight in Birżebbuġa” bil-ferut jintervjeni u jgħid “no, a car hit me”.

L-uffiċjal tal-Pulizija li kien hemm xogħol ċempel lill-Pulizija u lill-ambulanza.

Hi tgħid li rat lill-ferut illum dieħel u ħiereġ fl-awla.

Il-kontro-eżami ġie riservat.

11:34 Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda wara pawża qasira. Tixhed support worker tal-AWAS li hi bbażata Ħal Far. Hi ilha taħdem hemm erba’ snin. Dakinhar li seħħ il-hit and run kienet xogħol bil-lejl fejn kien hemm ħames persuni xogħol. Hi spjegat li kellhom magħhom Pulizija u żewġ uffiċjali tas-sigurtà. Hi spjegat li l-uffiċċju tagħhom huwa iktar il-ġewwa mix-xatba minn fejn jidħlu u joħorġu l-ħaddiema u r-residenti.

Hi tispjega li l-uffiċjali tas-sigurtà daħħluh lil wieħed imweġġa’ (May Malimi) u żewġ persuni li kienu qed iżommuh minn taħt idejh għall-ħabta tal-10.30pm. Hi qalet li sħabu qalu li kien involut fi ġlieda kbira, iżda l-vittma qal li kien intlaqgħat b’karozza. Is-support worker qalet li l-vittma kien b’daqqa kbira f’rasu u wiċċu, u kellu d-demm f’wiċċu.

Is-support worker tispjega li huma infurmaw lill-koordinatur, lill-Pulizija u ċemplu għall-ambulanza, li ġiet wara xi 20 minuta. Hi spjegat li dak kollu li jiġri jiġi miktub fis-sistema tagħhom biex ta’ shift ta’ warajhom ikollhom aċċess għal dakinhar.

Hi spjegat li kienet hi stess li kitbet dak li ġie ppreżentat iktar kmieni fil-Qorti. Tgħid li l-każ seħħ fl-1 ta’ Frar.

Kontro-eżami kien riservat.

11:00 L-avukat Stephen Tonna Lowell talab lill-Qorti biex tassigura jekk ix-xhud beħsiebux jitlaq minn Malta fil-futur qarib. L-avukat qal li skont rapporti li dehru fil-midja ħareġ li ċertu xhieda kemm jekk xehdu jew jekk le, jista’ jkun li se jħallu Malta.

Id-difiża talbet li jekk dawn ix-xhieda kemm jekk diġà xehdu kemm jekk le, ma jitħallewx jitilqu minn Malta qabel ma jittellgħu l-Qorti u jiġu eżaminati jew kontra-eżaminati.

10:57 L-Ispettur Arnaud staqsa lix-xhud għalfejn ma kienx f’siktu meta kien l-isptar, bix-xhud jgħid li tawh xi injection u ma kienx jaf x’inhu jiġri. Ix-xhud isostni li ma jixrobx u ma jpejjipx.

Ix-xhud jgħid li dak kien l-unika inċident li kellu Ħal Far.

10:38 Jitla’ jixhed il-vittma tal-hit and run, May Malimi, li għandu 17-il sena u huwa miċ-Chad. Malimi qed jiġi assistit minn interpretu.

Ix-xhud jgħid li ġie Malta fis-27 ta’ Ġunju 2018, huwa jgħid li fi Frar ta’ din is-sena huwa kien jgħix Ħal Far.

L-Ispettur Arnaud jitlob lix-xhud jispjega x’kien l-inċident.

Ix-xhud jgħid li kien ġej minn Birżebbuġa lejn Ħal Far u xi ħadd laqgħtu iżda ma rahx. Jgħid li kien Frar għall-ħabta ta’ 8pm jew id-9pm. Ix-xhud żied jgħid li l-inċident seħħ fi triq li ma jiftakarx x’isimha, iżda hi l-istess triq fejn seħħ l-inċident ta’ Mohammed u Ibrahim.

Dakinhar Malimi kien waħdu miexi fuq in-naħa tax-xellug. L-Ispettur Arnaud jitlob lix-xhud jispjega x’ġara dakinhar. Jgħid li kien miexi waħdu, laqgħtitu dil-karozza iżda ma jafx x’ġara. Ix-xhud qal li għamel xi siegħa mimdud u ma setax jiċċaqlaq. Jgħid li għamel hemm sa xi l-10pm. Spjega li l-karozza kienet ġejja minn warajh.

Huwa jgħid li l-karozza ma rahiex u ma jiftakarx id-dettalji għax ma ra xejn.

Jgħid li baqa’ mimdud għax kien weġġa’ f’idu u f’rasu.

Imbgħad qam, mexa ftit u ltaqa’ maż-żewġ persuni li saqsewh x’ġara u ħaduh Ħal Far fejn ċemplu għall-ambulanza. Mistoqsi jekk jafx lil dawn il-persuni huwa wieġeb li wieħed minnhom jafu iżda dan ma għadux Malta. Jgħid li ħallewh barra it-Tent Village ta’ Ħal Far għax dawn ma setgħux jidħlu ġewwa.

Jgħid li huwa għamel ftit żmien l-isptar minħabba l-ġrieħi li sofra. Kawża tal-inċident huwa sofra ksur f’idu u kellu bżonn operazzjoni. Bagħtuh l-isptar St Luke’s wara li ħareġ mill-isptar Mater Dei biex jiċċekkjawh. Malimi jispjega li għadu s’issa muġugħ fi spaltu tax-xellug.

10:33 Fil-kontro-eżami l-avukat Gianella DeMarco staqsiet lill-Ispettur Arnaud jekk talabx awtoriżazzjoni mill-qorti biex jagħmel ir-rapport li għadu kif ippreżenta. L-uffiċjal prosekutur jgħid li dan huwa parti minn xogħolhom biex jifhmu d-dinamika tal-każ.

L-Ispettur Arnaud spejga li sar b’mod sempliċi biex wieħed ikun jista’ jifhmu.

L-avukat Franco Debono staqsa min kienu l-pulizija li ħadmu fuq it-timeline u meta nħadem. L-Ispettur Arnaud wieġeb bin-numri tal-uffiċjali li għenuh fir-rapport u spjega li beda jsir minn wara d-delitt eżatt u baqa’ għaddej.

10:28 Jibda jixhed l-uffiċjal prosekutur l-Ispettur Keith Arnaud, huwa ppreżenta timeline ta’ 47 paġna li jikkonsisti f’sensilla ta’ snapshots minn qabel ma seħħ id-delitt sa wara li seħħ id-delitt. Huwa maqsum fi tliet kapitali, qabel, meta u wara seħħ id-delitt. L-Ispettur Arnaud jispjega li hemm aerial views minn Google Earth biex jispjega fejn huma l-kameras tas-sigurtà li fuqhom inqabdu isuqu l-karozza l-akkużati, lejn ix-xena tad-delitt, fuq ix-xena tad-delitt, u wara.

Ir-ritratti qegħdin f’mod kronoloġiku.

It-timeline nħadem mill-Uffiċċju tal-Ispettur Keith Arnaud.

10:18 Jidħol it-tieni akkużat, Francesco Fenech li jidher qed jogħmod chewing gum.

10:14 L-Ispettur Keith Arnaud jinforma l-Qorti li llum mistennija jixhdu l-vittma tal-hit and run, kif ukoll tliet uffiċjali oħra tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS) li kienu xogħol dakinhar li seħħ il-hit and run.

10:10 Jidħol fl-Awla Lorin Scicluna.

10:00 Illum se tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil kiesaħ u biered ta’ Lassana Cisse Souleymane li seħħ fis-6 ta’ April f’Ħal Far. Lorin Scicluna u Francesco Fenech qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Cisse u l-feriment taż-żewġ persuni oħra fost oħrajn.

Fl-aħħar żewġ seduti xehdu ż-żewġ vittmi li ġew feruti nhar is-6 ta’ April fi Triq il-Ġebel, Ħal Far.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud. Nadia Attard qed tidher mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal parte civile.

Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Kris Busietta u Julian Farrugia, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-avukat Gianella De Marco u Stephen Tonna Lowell.

Aqra iktar:

Qtil Ħal Far: Il-balla baqgħet għaddejja minn ġismi – vittma

Qtil Ħal Far: ‘Sħabi kienu qaluli li Malta m’hawnx razziżmu’

Qtil Ħal Far: Verżjonijiet differenti dwar min spara

Qtil Ħal Far: ‘Kienu jinżlu Ħal Far jaqbdu mal-immigranti’

Aġġornata (2): Iwieġbu mhux ħatja s-suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far

Aġġornata (6): Żewġ suldati għall-Qorti dwar il-każ tal-qtil f’Ħal Far