“M’ordnajtx li titneħħa l-għassa minn mad-dar ta’ Daphne” – eks Kummissarju

Miguela Xuereb

Read in English.

Illum kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Mistennija jixhdu aktar eks Kummissarji tal-Pulizija.

Fl-aħħar seduta xehdu l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo.

  • L-eks Kummissarju Peter Paul Zammit qal li kien hemm għassa kontinwa għal xi ħamest ijiem tul l-elezzjoni tal-2017. Imbagħad kien hemm għassa frekwenti. 
  • Zammit jgħid li Franco Debono kellu għassa fissa mad-dar tul l-elezzjoni, iżda din “bdiet qabel l-2013 sew”, u għadha hemm sal-lum. Kien jitqies f’iżjed riskju mill-ġurnalista.
  • “Ma tajtx ordni biex ineħħu l-għassa minn mad-dar ta’ Daphne” – l-eks Kummissarju Zammit.
  • Zammit qal li ma sabx biżżejjed evidenza biex jieħu passi kontra John Dalli.
  • Qal li l-investigazzjoni tal-OLAF fuq Dalli kellha nuqqasijiet anke fil-ġbir tal-evidenza. 
  • L-eks Kummissarju Michael Cassar spjega li għaddietlu minn moħħu biex ikun hemm għassa fissa mad-dar ta’ Caruana Galizia.
  • Dwar ir-rapport tal-FIAU fuq Schembri u Tonna, qal li fetaħ każ jismu Operation Green, fit-8 t’April tal-2016.
  • Cassar ta testimonjanza ta’ tliet kwarti mingħajr il-preżenza tal-midja u l-pubbliku.

16:48 Il-każ għandu jkompli jinstema' t-Tnejn li ġej fis-2.30pm. Ġiet skedata wkoll sessjoni għat-Tlieta fis-2pm iżda l-midja u l-pubbliku ma jistgħux jattendu għaliha.
Sephora Francalanza
16:46 L-eks Kummissarju Michael Cassar spiċċa t-testimonjanza tiegħu mingħajr il-preżenza tal-pubbliku u l-midja.
Sephora Francalanza
16:00 L-Imħallef Lofaro staqsiet lill-eks Kummissarju jekk iħossux iktar komdu jagħti iżjed dettalji mingħajr il-pubbliku preżenti.

Il-pubbliku mbagħad intalab joħroġ mill-awla.
Sephora Francalanza
15:55 Cassar spjega li l-evidenza miġbura mill-FIAU ma tistax tintuża fil-qorti. Il-Pulizija trid twettaq l-investigazzjoni tagħha u tagħmel l-interrogazzjonijiet.

Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino jistaqsi lill-eks Kummissarju Michael Cassar fuq ir-rapport tal-FIAU dwar Keith Schembri u Brian Tonna.

Cassar qal li meta ħarġu l-allegazzjonijiet, huwa staqsa jekk kinitx qed taħdem fuq dan l-FIAU u qalulu li iva. Spjega li xi drabi l-Pulizija kienet tibda investigazzjoni u tgħaddiha lill-FIAU.

Dwar ir-rapport tal-FIAU fuq Schembri u Tonna, qal li fetaħ każ jismu Operation Green, fit-8 t'April tal-2016.

L-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu jekk avviċinahx xi ħadd mill-OPM, mill-Ministeri, eċċ.

Qal li huwa siefer l-għada. "Hekk kien hemm pjanat. Dak iż-żmien kont determinat li nitlaq," qal Cassar.

Said Pullicino u Lofaro jistaqsuh x'wasslu biex jirreżenja.

Cassar qal li r-riżenja tiegħu ma kellhiex x'taqsam ma' investigazzjonijiet tal-Pulizija, imma "amministrattivament kienet storja oħra."
Sephora Francalanza
15:46 L-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu fuq ir-rapporti tal-FIAU u jekk kienx hemm interferenza fl-investigazzjoni.

Cassar spjega li l-FIAU għandhom poteri ikbar u usa' minn tal-Pulizija. Speċifika li l-evidenza tal-FIAU ma tkunx tista' tintuża mill-Pulizija.

Żied jgħid li t-tim investigattiv kien magħmul minn żewġ Spetturi tal-Pulizija, Surġent u żewġ Kuntistabbli, li jkollhom madwar 15 sa 16-il rapport kull sena.

Ikkummenta li l-FIAU hija aktar mgħammra mill-Pulizija biex tinvestiga reati ta' ħasil tal-flus.
Sephora Francalanza
15:43 Mistoqsi fuq il-protezzjoni mogħtija lil individwi li jkunu f'riskju, Cassar qal li hemm fajl fuq il-punti fissi kollha ta' għassa li jarah il-Kummissarju. L-għassa fissa kollha li ssir tinżamm arkivjata f'dan il-fajl. Qal li Caruana Galizia kellha għassa fissa fi żmien l-elezzjoni, u darba fl-2010 għal kważi xahar.

L-eks Kummissarju qal, bħal Peter Paul Zammit li xehed qablu, li ħadd ma kien jinterferi fl-investigazzjonijiet tiegħu. "Ħadd mhu se jindaħalli f'investigazzjoni. Lanqas jazzardaw," insista.
Sephora Francalanza
15:36 Ix-xhud li jmiss huwa l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, li dam fil-kariga mill-2014 sal-2016.

L-Imħallef Emeritu Mallia jistaqsi lil Cassar dwar il-livell ta' theddid kontra Caruana Galizia, u l-livell ta' protezzjoni li ngħatatilha.

Cassar qal li huwa staqsa dwar dan u qalulu li frekwentament kienet issirilha għassa. Qal li kien talab lill-pulizija biex joqogħdu aktar attenti għad-dar tagħha, u mhux kemm isuqu minn ħdejha. Qal li għamel dan ftit wara li beda xogħlu bħala Kummissarju.

L-eks Kummissarju spjega li għaddietlu minn moħħu biex ikun hemm għassa fissa mad-dar ta' Caruana Galizia, imma l-uffiċjali tiegħu qalulu li l-ġurnalista kienet irrifjutat meta offrielha hekk John Rizzo.

Cassar qal li mill-isfond tiegħu mis-Servizzi tas-Sigurtà, ma kienx konxju b'xi theddid immirat lejn Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
15:29 Comodini Cachia staqsiet fuq il-prosekuzzjoni kontra Norman Vella. Spjega li rċieva informazzjoni dwar ritratti li allegatament ittieħdu f'żona ristretta li ġew investigati.

Zammit ġie mistoqsi wkoll jekk il-Pulizija investigatx rapporti tal-FIAU sakemm kien hu Kummissarju. Wieġeb illi li kieku rċieva xi rapport, jgħaddih għal investigazzjoni. "Kienet prattika normali," qal Zammit.

L-eks Kummissarju spjega illi l-maġġoranza tar-rapporti, ir-rapport ta' tranżazzjonijiet suspettużi, kienu jmorru direttament għand it-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi. Madankollu, rapport dettaljat bi tħassib serju jgħaddi l-ewwel għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
15:26 L-Avukatessa Therese Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud jikkjarifika fejn kienu n-nuqqasijiet li semma: jekk hux fl-investigazzjoni tal-OLAF jew fl-investigazzjoni tal-pulizija.

Zammit qal li l-investigazzjoni tal-OLAF kellha nuqqasijiet anke fil-ġbir tal-evidenza. Spjega li kien hemm allegazzjonijiet ta' laqgħat li lanqas biss saru. Qal ukoll li kien hemm suppożizzjonijiet li ma kinux ibbażati fuq evidenza.

Żied jgħid li kien qajjem din il-kwistjoni ma' Kessler, u qallu li stenna aħjar mingħandu.

L-Avukatessa Comodini Cachia staqsietu jekk jiġix minn John Dalli. Zammit qal li direttament le, imma John Dalli huwa kuġin ta' martu.
Sephora Francalanza
15:23 Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino staqsa jekk il-ħatra tiegħu kellhiex x'taqsam mal-fatt li tintemm kwalunkwe investigazzjoni fuq John Dalli.

Zammit qal li xeba' jisma' din l-istorja. Spjega li l-każ ta' Dalli nfetaħ u ngħalaq u reġa' nfetaħ. Qal li ma ddeċidiex fuq il-każ mill-ewwel u kompla l-investigazzjoni fuq il-każ.

Said Pullicino staqsa jekk dak li japplika għal Silvio Zammit japplikax ukoll għal John Dalli. Zammit qal li għal Silvio Zammit diġà kien hemm proċeduri fil-qorti.

Lofaro staqsiet lil Zammit jekk kienx hemm uffiċjal tal-Gvern li staqsa dwar l-investigazzjoni fuq John Dalli. L-eks Kummissarju qal li hu ħa l-inizjattiva biex jibgħat għal Dalli. Zammit spjega li ħadd mill-OPM, mill-Ministeru jew mill-Eżekuttiv ma kellmu fuq l-investigazzjoni.

Spjega li ma kienx hemm biżżejjed evidenza. Qal li huwa wasal għal din il-konklużjoni wara li ra r-rapport tal-kumitat tal-OLAF li Rizzo ma kienx ra.
Sephora Francalanza
15:19 Zammit qal li jiftakar meta bagħat għall-Kummissarju Ewropew John Dalli. Zammit qal li kien jinvestiga jew waħdu, jew ma' Angelo Gafa (li issa huwa s-CEO tal-Pulizija). Qal li l-Avukat Ġenerali ma kellux l-informazzjoni kollha.

Kien hemm investigazzjoni tal-OLAF u oħra ta' Rizzo. Zammit qal li x'aktarx Rizzo ma kienx konxju tar-rapport li għamel il-kumitat tal-OLAF.
Sephora Francalanza
15:16 Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino jistaqsi fuq l-investigazzjoni fuq John Dalli.

Zammit qal li mill-"handover żgħira" li ngħata minn John Rizzo, kien hemm turrun dokumenti, inkluż ir-rapport tal-OLAF.

Spjega li ra l-fajl kollu, u li kien hemm xi nuqqasijiet. Qal li beda jistaqsi l-mistoqsijiet u li kien hemm rapport li kien ġie ffajljat imma baqa' moħbi sa Lulju tal-2014. Ikkjarifika li r-rapport issa huwa disponibbli għall-pubbliku bħala Opinjoni 2/2012. Qal li r-rapport fih lista tan-nuqqasijiet fil-każ.
Sephora Francalanza
15:12 L-Imħallef tistaqsi kienx hemm tibdil f'dan. Zammit jgħid li kien hemm differenza fl-opinjoni, u qal li ċ-Chief of Staff tal-Ministeru li jaqa' taħtu l-Korp, Silvio Scerri, kien jaħsibha differenti.

Spjega li kien jiddiskuti xi ħaġa f'ġurnata minnhom, u mbagħad il-parametri jinbidlu fil-jiem ta' wara. Dan kien madwar ħames jew sitt xhur qabel inħatar Kummissarju.

Zammit qal li dak iż-żmien kien hemm diskussjoni fuq il-possibbiltà li jkun hemm CEO tal-Pulizija, li hu kien opponieha. Iddeskriva l-Korp tal-Pulizija bħala wieħed maqsum f'erbgħa.

Hu u jwieġeb lill-Kap Imħallef Emeritu, Zammit qal li qatt ma kienu jiddiskutu d-dettalji ta' investigazzjoni u li kellhom libertà assoluta fl-investigazzjonijiet.
Sephora Francalanza
15:08 Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino jistaqsih jekk jafx għaliex intalab jilħaq hu wara l-Kummissarju John Rizzo.

Zammit qal li qatt ma qalulu għaliex. Spjega li ssejjaħ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jiftakar li staqsewh x'jaħseb fuq il-pulizija u jekk huwiex interessat jieħu l-kariga ta' Kummissarju. Zammit qal li ta l-opinjoni tiegħu u l-ideat li kellu fuq il-Korp tal-Pulizija.

Lofaro tistaqsi jekk kienx hemm xi suġġerimenti diretti jew indiretti mill-OPM. Zammit jgħid li l-Prim Ministru aċċetta l-proposti tiegħu.
Sephora Francalanza
15:04 Zammit jgħid li ma kellux aċċess għal ċerta informazzjoni.

L-Imħallef Emeritu Mallia jirreferi għal xħin Zammit semma lil Franco Debono. Jistaqsih meta Debono bdiet issirlu għassa fissa ma' daru, u jekk kienx qiegħed f'riskju kbir.

Zammit iwieġeb li dan kien qabel l-2013 sew, u li Debono għad għandu għassa fissa mal-bieb sal-lum. Spjega li kien hemm riskju ogħla fil-każ tiegħu, u qal li dan ġie kkonfermat meta sar assessjar tas-sitwazzjoni, u għalhekk baqa' jkun hemm l-għassa.

Il-Bord staqsa jekk jinżammx rekord ta' kemm issir frekwenti l-għassa. Zammit qal li kull uffiċjal li jagħmel l-għassa jdaħħal il-ħinijiet tiegħu.

"Sa fejn kont naf jien, kien hemm għassa b'mod frekwenti," jgħid Zammit. L-Imħallef Lofaro hawn tistaqsih huwiex qiegħed jassumi: "Ivverifikajt jekk l-għassa saritx veru?"

Zammit qal li l-għassa saret imma hu ma vverifikax dan.
Sephora Francalanza
15:00 Fuq il-mistoqsija parlamentari, Zammit qal li kellu l-impressjoni li l-Membru Parlamentari kien qed ifittex informazzjoni biex ikun jaf x'tip ta' protezzjoni hi offruta meta staqsewh x'jaħseb li wassal għal din il-mistoqsija fil-Parlament.

Ix-xhud ġie mistoqsi jekk il-Pulizija kinitx konxja bir-riskju potenzjali li kienet fih il-ġurnalista, u jekk kellhomx jistennew il-mistoqsija parlamentari biex jintebħu b'dan.

Huwa wieġeb illi Caruana Galizia kienet persuna kontroversjali, u li kien hemm ħafna rjus sħan fi żmien l-elezzjoni. Qal li l-ewwel darba li kien involut hu kien meta kien tqabbad bin-nar il-bieb tad-dar tal-ġurnalista. Fl-istess żmien, is-Servizz tal-Ġiżwiti f'Malta (JRS) kellhom każ ta' ħruq.
Sephora Francalanza
14:55 Il-Kap Imħallef Emeritu jibqa' jinsisti max-xhud, "Allura nies f'riskju jiddependu mill-pulizija tad-distrett?" Zammit jgħid li m'għandux rekord bħal dan u ma jkunx jaf. Żied li m'għandux informazzjoni bħal din. "Id-dettalji ta' rekords bħal dawn ikunu mniżżlin fl-għassa tad-distrett, u mhux il-kwartieri." Żied jgħid li "tal-anqas hekk kien isir fi żmieni. Ma nafx issa kif qed jagħmlu."

L-Imħallef Emeritu Mallia jistaqsi jekk Zammit iridx ifisser li ma nbidel xejn meta ħa l-kariga hu. Zammit wieġeb li hu ma tax ordni differenti, peress li ma kienx hemm bżonn li l-għassa frekwenti tiġi mċaqalqa. "Ma tajtx ordni biex ineħħuha," żied jgħid.
Sephora Francalanza
14:52 L-Imħallef Lofaro tistaqsi lil Zammit biex jikkjarifika jekk kienx hemm għassa fissa jew le, peress li skont l-informazzjoni li għandu l-Bord, dan ma kienx il-każ.

Zammit qal li kien hemm għassa kontinwa għal xi ħamest ijiem tul l-elezzjoni. Madankollu, imbagħad kien hemm għassa frekwenti. L-Imħallef Emeritu Mallia jistaqsi jekk id-dettalji ta' din l-għassa frekwenti li kienet issir humiex rekordjati. Zammit qal li ma kienx jeżisti reġistru ta' din ix-xorta meta hu kien Kummissarju. Spjega li l-bidliet ta' min ikun qed jagħmel għassa kienu jkunu mminutati fl-għassa konċernata.

Huwa rrefera għal għassa fissa barra d-dar ta' Dr Franco Debono, u qal li din kien hemm rekord tagħha fl-għassa tal-pulizija tad-distrett. Fl-għassa jkun hemm miktub ukoll x'tip ta' protezzjoni tingħata.

Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino josserva li l-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu kien ċempel lill-eks Kummissarju John Rizzo sabiex jistaqsih fuq il-protezzjoni tal-ġurnalista. Zammit jgħid li t-tip ta' protezzjoni mogħtija tkun imniżżla fl-għassa tal-pulizija konċernata.
Sephora Francalanza
14:47 Jitla' jixhed Peter Paul Zammit. Huwa serva bħala Kummissarju tal-Pulizija fil-perjodu bejn April tal-2013 u l-2014.

L-Imħallef Emeritu Mallia jistaqsi lix-xhud x'miżuri ta' sigurtà sab meta ħa l-Korp f'idejh.

Zammit jirreferi għal mistoqsija parlamentari u jgħid li kienet issir għassa b'mod frekwenti.

L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsih meta saret il-mistoqsija parlamentari fuq dan, u hu jgħid li ma jiftakarx id-data preċiża, imma kien ftit ġimgħat wara li laħaq fil-kariga.
Sephora Francalanza
14:45 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla. L-Avukatessa Comodini Cachia tippreżenta tliet rapporti tal-FIAU li ġew żvelati u kopja ta' artiklu miktub minn Caruana Galizia fuq il-blogg tagħha.
Sephora Francalanza
14:27 Ninsabu live mill-awla tal-qorti li diġà mtliet. Fost dawk preżenti hawn il-familja Caruana Galizia, attivisti minn Occupy Justice u rappreżentanti tal-ambaxxati.

L-Avukatessa Theresa Comodini Cachia wkoll tinsab preżenti.
Sephora Francalanza
14:25 Tibda l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fost ix-xhieda tal-lum, mistennija jixhdu l-eks Kummissarji tal-Pulizija Peter Paul Zammit u Michael Cassar.
Sephora Francalanza

Il-punti prinċipali tal-aħħar seduta kienu:

  • “Kont nara lil Keith Schembri fir-raba’ sular tal-kwartieri tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013.” – Anġlu Farrugia
  • Farrugia spjega li kien jara lil Sandro Chetcuti b’mod regolari fil-kwartieri tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013.
  • “Qatt ma appoġġjajt lil Muscat” – Anġlu Farrugia
  • “Muscat ma kellux xi grazzja kbira miegħi” – Anġlu Farrugia
  • L-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo jgħid li malli ħa l-kariga baqa’ jipprovdi protezzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia skont il-bżonn taż-żmien.
  • Rizzo jgħid li meta kien Kummissarju hu kien jitħalla jagħmel xogħlu mingħajr indħil.
  • “Kelli biżżejjed evidenza biex inressaq lil John Dalli l-Qorti imma ma kienx Malta minħabba raġunijiet mediċi. Lili neħħewni mill-kariga l-Ġimgħa u hu wasal Malta s-Sibt.” – Rizzo
  • “Kienu offrewli €10,000 żieda wara li neħħewni minn Kummissarju, imma rrifjutajthom. Qatt ma kont bniedem li nagħmel għall-flus.” – Rizzo
  • “Kont ninvestiga kull l-iċken allegazzjoni, ġejja minn fejn ġejja, inkluż dak li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha.” – Rizzo

L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.

L-eks Imħallef Michael Mallia qed imexxi l-bord tal-inkjesta, filwaqt li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro huma ż-żewġ membri l-oħra tal-bord. Huwa stipulat li l-inkjesta trid tintemm fi żmien disa’ xhur.