Qatilhom għax issuspetta li tefgħulu xi ħaġa fil-kafè

Christoph Schwaiger

11:15 L-akkużat jinżamm arrestat bil-każ ikompli fit-13 ta’ Awwissu li ġej.

11:12 Id-difiża talbet biex ikunu preservati dettalji tal-kontijiet bankarji tal-akkużat u għaldaqstant biex fis-seduta li jmiss jitilgħu jixhdu rappreżentanti tal-banek HSBC u BOV. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrst Monica Vella laqgħet it-talba.

11:08 Il-prosekuzzjoni waslet lejn it-tmiem bl-ispettur iwieġeb għall-mistoqsija tad-difiża jekk fid-dar instabux xi pilloli li setgħu kie u kalmanti. L-ispettur ikkonferma li nstabu xi mediċini li kienu tal-omm u qal li ngħataw lill-esperti biex isiru jafu x’kienu eżatt.

11:01 Xehed Pulizija ieħor li qal li mill-awtopsja ħareġ li ż-żewġ nisa mietu kawża tad-daqqiet ta’ sikkina li qalgħu. Qal li mill-interrogazzjoni ħareġ li l-akkużat qal li ħassu oppressat minn ommu u zitu dwar ir-relazzjoni li kellu mat-tfajliet.

10:45 L-akkużat kellu relazzjoni mhux daqstant tajba ma’ ommu u ma’ zitu. Fix-xhieda awdjoviżiva tal-akkużat, ir-raġel instema’ jgħid li ommu u zitu kienu jfixklu r-relazzjoni li kellu. Kien anki qal li kellu suspett li qed jitfgħu xi ħaġa fil-kafè minħabba li kien iħossu għajjien wara li jixrob il-kafè. Ikompli jgħid li fil-ġurnata tal-qtil sema’ lil zitu u lil ommu jgħidu “tgħid induna?”. Kien hawn li skont l-akkużat qabad is-sikkina mill-kexxun u dar għalihom fil-kamra fejn kienu.

10:20 Il-Prosekuzzjoni qalet li kien l-aggressur li ċempel lill-Pulizija. Mal-wasla tagħhom fuq il-post, f’kamra fil-ġenb tal-bitħa, magħrufa bħala washroom, l-omm u z-zija nstabu waħda wiċċha ‘l fuq u l-oħra mimduda fuqha. Aktar tard waslet fuq il-post il-Maġistrat Claire Zammit Stafrace.

Illum bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ raġel ta’ 42 sena mill-Għargħur, li qed jiġi akkużat li aggredixxa u qatel lil ommu u lil zitu b’arma bil-ponta.

Il-każ seħħ fit-23 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tas-6.30am fi Triq Fidiel Zarb.