Filmat: 8 persuni jirkupraw u żewġ każijiet ġodda pożittivi

Jintemmu l-konferenzi tal-Professur Charmaine Gauci

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci ħabbret li 8 persuni oħra rkupraw filwaqt li qalet li żewġ persuni oħra rriżultaw pożittivi. Dan ħareġ mill-1,030 swab test li saru fl-aħħar 24 siegħa. Il-każijiet attivi f’Malta issa huma ta’ 51 każ filwaqt li t-total tan-nies li ġew infettati huwa ta’ 622 każ.

Hija qalet dan f’konferenza tal-aħbarijiet b’aġġornament mediku li kienet l-aħħar waħda li qed issir b’mod regolari.

Il-każijiet individwali mill-Ġimgħa li għaddiet sal-lum:

  • Persuna mill-Pakistan li ġie Malta permezz ta’ titjira ta’ ripatrijazzjoni peress li r-residenza tiegħu tinsab f’Malta
  • Raġel Ingliż ta’ 77 sena li huwa pazjent fl-isptar Karin Grech wara li ħariġlu d-deni fid-29 ta’ Mejju.
  • Mara Maltija ta’ 23 sena li kellha diversi sintomi. Qed isir il-contact tracing mal-familja
  • Mara Indjana ta’ 26 sena li ma kellha l-ebda sintomi. Hija taħdem fl-isptar Karin Grech bħala carer.
  • Iż-żewġ persuni pożittivi tal-lum huma mill-Pakistan. Huma mill-istess familja tar-raġel mill-Pakistan li kien pożittiv. Il-mara għandha 32 sena filwaqt li t-tifla tagħhom irriżultat pożittiva wkoll.

Fil-konferenza, il-Professur ħeġġet għall-użu tal-vizors jew il-maskri, fakkret fis-social distancing filwaqt li ħeġġet ukoll biex il-pubbliku jieħu ħsieb l-iġene personali.

Jintemmu l-konferenzi tal-Professur Gauci

Il-Professur irringrazzjat lill-ġurnalisti u lit-tim tekniku li għal dawn l-aħħar ġimgħat wasslu l-bullettin mediku permezz ta’ xandiriet regolari.

Hija ħabbret li dan il-bulletin mhux se jibqa’ regolari iżda spjegat li l-aġġornamenti mediċi se jibqgħu jintbagħtu “b’modi oħra”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn