Filmat: “Il-Ministru Scicluna qed jgħix f’pjaneta differenti” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qed jgħix fi pjaneta differenti. Dan qalu għall-mistoqsijiet mill-ġurnalisti dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Ministru Scicluna wara li l-Awtorit Bankarja Ewropea (EBA) ħarġet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU).

Il-ġimgħa l-oħra, l-EBA kkonkludiet li l-Aġenzija Maltija naqset milli tagħmel superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus.

Adrian Delia qal lill-Ministru Scicluna biex ma jidħaqx bin-nies għaliex spjega li meta jkun hemm awtorità li tieħu ġudizzju, għandha tintrefa’ r-responsabbiltà.

Dr Delia qal li mal-gazzetta Times of Malta, il-Ministru Edward Scicluna pprova jagħti l-impressjoni li l-istituzzjonijiet Ewropej fosthom l-EBA, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew huma kkontrollati mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa. Huwa qal li l-Ministru Edward Scicluna kellu biżżejjed informazzjoni biex jieħu d-deċiżjonijiet li kellu jieħu biex isalva r-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Partit Laburista jwaħħal f’De Marco

Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-Kap tal-PN Adrian Delia u l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Mario De Marco għandhom iwieġbu dwar ħasil ta’ flus.