Filmat: Iż-żgħażagħ qed jakkużawna li qed neqirdu l-ambjent – Delia

Waqt id-diskors li għamel aktar kmieni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, wiegħed li bħala Partit se jkun qed jaħdem biex Malta tkun iktar nadifa bi spazji miftuħa u mhux bini bla rażan. Huwa għamel referenza għall-istatistika li ħarġet mill-Eurostat fejn uriet li Malta kellha  t-tieni l-ikbar żieda tal-gass dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jitkellem waqt attività politika bit-tema Flimkien għal pajjiżna fil-Pjazza taż-Żejtun.

Malta tirreġistra t-tieni l-ikbar żieda tas-CO2

Delia qal li Joseph Muscat gideb meta madwar sitt snin ilu qal li għall-Partit Laburista l-ambjent huwa prijortà. Semma kif f’sitt snin Malta tilfet ħafna mill-ambjent naturali tagħha.  Semma li ż-żgħażagħ jinteressahom l-ambjent u x’qed isiru minnu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ħafna miż-żgħażagħ ma jinteressahomx mill-politika iżda mill-ambjent u dak li qed isir minnu.Ħafna miż-żgħażagħ qed jakkużaw lill-awtoritajiet li qerdu l-ambjent tenna Delia.

Qed iwessgħu t-toroq flok trasport sostenibbli

Delia rrimarka li l-Gvern Soċjalista minflok qed jindirizza l-problema tat-traffiku billi joħloq trasport sostenibbli, qed iwessa’ t-toroq. Dan qed iwassal biex jiżdiedu iktar karozzi u għalhekk ikun hawn aktar tniġġis. Delia qal li flok ma’ Joseph Muscat għamel inizzjattivi biex itejjeb l-arja, għamel kampanja ta’ €700,000 biex juri li Malta m’għandhiex problema.

Delia semma l-Gvern qed jagħmel investiment fil-Bulgarija biex ikun hemm iktar arja nadifa iżda dawk il-flus mhux qed jinvestihom f’Malta. Huwa qal li din hija konsegwenza għax ma ntlaħqux il-miri tal-Ewropa f’Malta.

Malta ma leħqitx it-target ta’ 10%

Delia qal li filwaqt li pajjiżi oħra għamlu targets ta’ 50% li jkollhom arja nadifa, Malta ma laħqitx l-inqas target tagħha dak ta’ 10%. Żied li l-Gvern mhux qed jinvesti fir-riżorsi naturali li għandha Malta bħax-xemx, ir-riħ u l-mewġ biex ikun hawn iktar enerġija sostenibbli.  Huwa qal li bħala Partit iwiegħed liż-żgħażagħ li hu se jkun qed jaħdem biex Malta jkollha aktar arja nadifa u ż-żgħażagħ jkunu jistgħu jqabblu l-pajjiż kif ikun ma’ dak li tahom il-Partit Nazzjonalista.

L-iskart f’Malta qed jiżdied minflok jonqos

Dwar l-iskart il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan qed jiżdied u għalhekk juri la m’hemmx pjan dwar l-iskart f’Malta. Delia qal li l-Gvern ħolom bir-riklamzzjoni tal-art mingħajr ma kien hemm l-ebda studju. Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa kemm se jdum jitla’ iktar bini u kemm tiflaħ Malta għal dan kollu. Adrian Delia qal li l-Gvern jinteressah biss minn issa u mhux jaħseb fil-futur.

Semma kif kull darba li jitkellem maż-żgħażagħ, kull darba jsemmgħu l-ambjent. Huwa qal li f’dan ir-rigward il-Gvern ma għamel xejn u minflok l-Gvern qed jeqred lil Malta.

Delia qal li huwa jrid li l-kandidati tal PN għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni li jridu Malta nadifa, ambjent nadif, energija nadifa u liż-żgħażagħ joħolmu fuq Malta aħjar. Huwa appella li dan il-messaġġ għandu jasal għand kulħadd mill-kbir saż-żgħir. Temm li hu jemmen li din il-ħolma tista’ titwettaq jekk jaħdmu għaliha.